Bejn il-11 u s-17 ta’ Awwissu li għadda kien hemm total ta’ 139,542 passiġġier li qasmu minn u lejn Għawdex. Dan ifisser żieda ta’ 3,884 passiġġier jew 2.86% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
B’kollox il-Gozo Channel għamlet 704 vjaġġi bejn il-gżejjer fil-perjodu msemmi u bejniethom ġarrew ’il fuq minn 46,600 vettura. L-akbar ammont ta’ vjaġġi saru t-Tnejn 11 u l-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu meta b’kollox saru 102 vjaġġi kull jum rispettivament.
L-aktar jum impenjattiv miċ-Ċirkewwa kien dak ta’ lejliet Santa Marija, jiġifieri fl-14 t’Awwissu, fejn kien hemm total ta’ 11,616-il passiġġier li qasmu lejn Għawdex, li ħadu l-okkażjoni biex iqattgħu tmiem il-ġimgħa ta’ Santa Marija fil-gżira tat-tliet għoljiet. Dan l-ammont huwa riflessjoni ukoll ta’ kemm Għawdex għadu destinazzjoni popolari mal-Maltin li qed iħalli impatt pożittiv fuq l-industrija tat-turiżmu f’din il-gżira.
Min-naħa l-oħra, il-ġurnata li fiha niżlu lura Malta l-akbar ammont ta’ passiġġieri kienet dik tal-Ħadd (12,746).
F’Għawdex matul dan il-perjodu ġew organizzati diversi attivitajiet li għalihom attendew eluf ta’ persuni. Minbarra l-festa tradizzjonali ta’ Santa Marija li tiġi organizzata mill-Katidral ta’ Għawdex għal sena oħra saret il-Wirja tal-Biedja u s-Snajja’ f’Villa Rundle r-Rabat. Din is-sena din il-wirja fakkret il-170 anniversarju tagħha.