Saturday, December 14, 2024

14-il persuna arrestati fosthom sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel Afrikani minħabba ikel projbit

Il-Pulizija Maltija f’operazzjoni konġunta mal-Europol

Aqra wkoll

F’operazzjoni li saret mill-Pulizija ta’ Malta, bħala parti mill-Joint Action Day ikkordinata mill-Europol, kontra l-kriminalità organizzata Niġerjana madwar l-Ewropa, b’kollox ġew arrestati mal-14-il persuna.

Il-Pulizija Maltija ħadmet ma’ diversi entitajiet lokali, fosthom id-Dipartiment tad-Dwana, is-Servizzi ta’ Detenzjoni u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, fejn saru diversi spezzjonijiet u nfurzar fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’San Ġiljan.

Dawn il-persuni ġew arrestati b’rabta ma’ immigrazzjoni illegal. Dan qalitu il-Pulizija ta’ Malta fi stqarrija, fejn qalet li tliet sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel Afrikani se jitressqu l-Qorti fuq ksur tar-regolamenti tas-saħħa pubblika. Fl-istess operazzjoni, ġew issekwestrati diversi dokumenti, ikel projbit, kif ukoll affarijiet relatati mad-droga.

F’din l-azzjoni ħadu sehem diversi skwadri tal-Pulizija fosthom tal-Immigrazzjoni, ta’ Kontra d-Droga, ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Rapid Intervention Unit, tal-Klieb, kif ukoll tad-Distrett u dawk għall-Komunità.

Il-pajjiżi li fihom saret l-operazzjoni mqasma fuq tliet ijiem, bejn is-7 u d-9 ta’ Diċembru li għadda, kienu – Stati Membri tal-Unjoni Ewropea: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Malta, Spanja u l-Iżvezja; Stati oħra: l-Istati Uniti, l-Iżlanda, il-Kolombja, in-Niġerja u rRepubblika ta’ Benin; Aġenziji: Europol, Interpol, Frontex, UNODC, CrimJust, UK Home Office International Operation fin-Niġerja u @ON Network.

Ekonomija

Sport