Il-ħidma tal-pulizija fil-qalba tal-komunitajiet issoktat ukoll bil-ħidma marbuta mal-immigrazzjoni rregolari u l-infurzar biex ikun assigurat li persuni li mhumiex f’pajjiżna skont il-liġi ma jibqgħux hawn.
Il-ħidma ssir f’ħinijiet u lokalitajiet differenti u kmieni s-Sibt filgħodu, il-Pulizija assistiti mill-uffiċjali tas-Servizzi ta’ Detenzjoni, komplew bl-ispezzjonijiet fl-inħawi ta’ Pembroke, Paceville u San Ġiljan.
Saru wkoll numru ta’ spezzjonijiet f’siti ta’ kostruzzjoni.
Is-Sibt filgħodu nstabu 15-il persuna jgħixu b’mod irregolari. In-nazzjonalitajiet tal-persuni misjuba jvarjaw mill-Bosnja, Ghana, Niġerja, Gambja, Senegal, Mali, Serbja u Georgia, fost oħrajn.
Huma ttieħdu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni biex jibda l-proċess ta’ ritorn tagħhom.
Din il-ħidma hija parti minn spezzjonijiet regolari li qed isiru f’lokalitajiet differenti u li ser tkompli tissaħħaħ fil-jiem li ġejjin.