L-ammont ta’ persuni li nqatlu fi sparatura f’università fi Praga telgħu għal aktar minn 15. Ikkonferma dan il-Kap tal-Pulizija tar-Repubblika Ċeka Martin Vondrasek f’kummenti li ta lill-ġurnalisti wara l-isparatura li seħħet ilbieraħ. Huwa rrimarka wkoll li f’dan il-każ indarbu minn tal-inqas 24 persuna oħra.
Dan l-attakk wassal għal paniku kbir f’din il-belt, rispons qawwi mill-pulizija u twissijiet sabiex in-nies jibqgħu ġewwa djarhom. L-isparatura seħħet fil-Fakultà tal-Arti ta’ Charles University, li tinsab biswiti siti turistiċi ewlenin.
Fuq il-pjattaforma X, li qabel kienet magħrufa bħala Twitter, il-pulizija qalet li l-binja kienet qiegħda tiġi evakwata u li hemm diversi persuni oħra mejta u għexieren oħra midruba fuq il-post.
Is-servizzi tal-emerġenza rrapportaw li kien hemm disa’ persuni li weġġgħu serjament, minn tal-inqas ħames persuni sofrew ġrieħi mhux daqstant serji u 10 oħra ġarrbu ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Sadanittant, il-Prim Ministru Malti Robert Abela qal li jinsab imnikket b’dak li seħħ fi Praga. Huwa esprima l-kondoljanzi tiegħu mal-familjari tal-vittmi u mal-poplu Ċek.