It-Tarxien Pageant Group, għaqda fi ħdan il-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, żamm l-appuntament kull sena sabiex itella’ dramm live nhar it-Tnejn u t-Tlieta wara Ħadd il-Palm, li din is-sena ġie ppreżentat taħt l-isem “Via Veritatis”.

Sabiex il-produzzjoni tilħaq l-għan tagħha fuq livell professjonali, hemm dedikazzjoni sħiħa mill-membri tal-istess għaqda u ħafna xogħol li jibda xhur qabel. Il-proċess jibda mill-kitba tal-iskript, fejn kull sena l-għaqda tippreżenta skript ġdid. Dan jinvolvi evalwazzjoni taż-żmien li nkunu qed ngħixu fih u riflessjoni fuq il-messaġġ li hemm bżonn jitwassal. Minn hemm jinħoloq skript kreattiv li jżomm lill-udjenza b’ħarsa mwaħħla għal tliet sigħat sħaħ u li tant iħalli impatt fuqha li terġa’ żżomm l-appuntament tagħha kull sena. Isiru wkoll preparazzjonijiet kbar sabiex jintrama’ palk kbir, maqsum f’sitt partijiet li jirrappreżentaw xeni differenti mill-belt ta’ Ġerusalemm.

Permezz ta’ dan il-palk enormi, jinbidel l-ambjent b’mod effettiv u l-udjenza tħossha parti minn dan ix-xenarju mill-isbaħ, maħdum mill-istess membri tal-għaqda. Xenarju li huwa maħdum sal-inqas dettall u jqarrab ħafna lejn ir-realtà. Aspett ieħor importanti huwa l-vestwarju, li jinkludi aktar minn 150 libsa maħduma b’dettall kbir. Li huma ibbażati fuq riċerka estensiva sabiex nifhmu kif setgħu kienu verament dak iż-żmien. Biex jittella’ dramm ta’ tliet sigħat bħal dan, wieħed irid jifhem il-ħidma kbira u s-sagrifiċċji li hemm warajh. It-Tarxien Pageant Group jemmen bis-sħiħ f’dak li jagħmel, u għalhekk ħafna membri jagħżlu li joffru l-ħin volontarju tagħhom sabiex, permezz tal-arti u l-kelma ta’ Alla, iwasslu l-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Fil-31 ta’ Marzu, l-għaqda kellha tħassar waħda mill-prestazzjonijiet minħabba tbassir ta’ temp ħażin li seta’ jpoġġi f’riskju s-sigurtà tal-atturi u tal-udjenza. Din kienet deċiżjoni diffiċli ħafna, speċjalment wara s-sagrifiċċji kollha li saru, iżda kienet l-aħjar għażla fiċ-ċirkustanzi. L-għaqda rringrazzjat lill-udjenza numeruża li attendiet għall-prestazzjoni live, li kienet tinkludi aktar minn 150 attur, li minnhom 40 attur kellhom parti mitkellma live.

Fl-istess ħin, uriet id-diżappunt tagħha lejn dawk li żammew l-appuntament tagħhom għat-Tlieta 31 ta’ Marzu u li sfortunatament kellhom jesperjenzaw it-tħassir tal-prestazzjoni. L-għaqda wiegħdet li se tkompli taħdem aktar sabiex, permezz tal-arti, tkompli tiskopri u twassal il-kelma ta’ Sidna Ġesù Kristu, u permezz tal-palk tibqa’ messaġġiera tiegħu.

