Thursday, December 26, 2024

150 persuna affettwati mill-kostruzzjoni jibbenefikaw minn assistenza professjonali bla ħlas fl-ewwel xahar

Se tkun rikonoxxuta l-eċċellenza fl-industrija tal-kostruzzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-ewwel xahar minn meta ġie introdott is-servizz ta’ assistenza professjonali ta’ Avukati u Periti mingħajr ħlas għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni, diġà kien hemm 150 persuna li bbenefikaw jew għadhom qed jibbenefikaw minn din l-għajnuna. Dan jikkonferma kemm dan is-servizz kien bżonnjuż u importanti għas-serħan tal-moħħ taċ-ċittadini.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnedew għall-ewwel darba l-premjijiet għall-eċċellenza fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Din hija inizjattiva li qed tiffaċilita bidla pożittiva f’din l-industrija billi tagħti rikonoxximent lil dawk il-kuntratturi li juru eċċellenza, innovazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-sostenibilità u l-ogħla standards ta’ kwalità.

Dawn il-premjijiet huma miftuħa għall-kuntratturi kbar u żgħar li qed jaħdmu bi bżulija, b’ħeġġa, biex itejbu l-ambjent tal-madwar u jagħtu eżempju lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. Magħmula minn ġurija internazzjonali, il-premjijiet għall-eċċellenza fil-kostruzzjoni jirrikonoxxu xogħlijiet eżemplari fi 12-il kategorija. Dawn huma:

  • Dedikazzjoni għas-Sostenibiltà
  • Kwalità u Sengħa
  • Taħriġ u Żvilupp
  • Impenn għall-benesseri, is-saħħa u s-sigurtà
  • Innovazzjoni, Riċerka u Żvilupp
  • Għall-eċċellenza fix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar
  • Għall-eċċellenza fl-infrastruttura u xogħlijiet ċivili
  • Għall-eċċellenza fl-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi
  • Għall-eċċellenza fix-xogħlijiet ta’ rfinar
  • Għall-kontribuzzjoni ta’ konservazzjoni fl-industrija tal-kostruzzjoni
  • Għall-aktar kuntrattur professjonal u rispettuż
  • Għall-kuntrattur tas-sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard spjega li din l-inizjattiva hija aktar minn sempliċi programm ta’ premjijiet; huwa impenn biex tirrikonoxxi l-eċċellenza, titrawwem il-kollaborazzjoni u tispira ġenerazzjonijiet futuri fis-settur tal-kostruzzjoni.

“Hija wkoll ‘showcase’ tat-talent u d-dedikazzjoni notevoli li jeżistu fl-industrija. Aħna nemmnu li l-kwalità, l-innovazzjoni u s-sostenibilità, jistgħu jwassluna għal bidla sinifikanti fis-settur. Konvint li dawk li se jipparteċipaw se jagħtu eżempju ta’ dawn l-ideali, filwaqt li juru li l-eċċellenza mhix biss aspirazzjoni iżda għan tanġibbli li lkoll nistgħu nistinkaw biex nilħqu,” qal il-Ministru Attard. “Din l-inizjattiva organizzata minn QP tikkumplimenta l-politika li qed iħaddan il-Gvern fis-settur tal-kostruzzjoni.”

Il-Ministru Attard tenna wkoll li jkun inutli li jkollna policies u studji, iżda dawn ma jitpoġġewx fil-prattika jew ma jiġux segwiti. “Għaldaqstant, inizjattiva bħal din hi għodda importanti biex tinkoraġġixxi lill-partijiet involuti fis-settur sabiex jaderixxu ma’ dak li semmejt, u aktar u aktar jaħdmu biex dejjem itejbu l-output tagħhom.”
Huwa kompla billi rrefera għax-xogħol li għaddej mill-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli u kif dan jabbraċċja perfettament mal-kategoriji differenti u li fuqhom se jkunu rikonoxxuti l-ħidma tan-nies u l-kumpaniji.

Semma kif fl-aħħar xhur, il-Gvern wassal riforma li titratta s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Riforma li mhux biss kienet ilha mistennija iżda wkoll meħtieġa u dan sabiex l-awtorità tadatta għaż-żminijiet tal-lum.
Fl-aħħar xhur, kompliet ukoll l-implimentazzjoni ta’ skills card li tassigura li persuna hi kompetenti f’xogħolha, iżda wkoll inbeda l-proċess tal-liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi.

Il-Ministru Attard qal li l-ħidma tal-Gvern għaddejja fuq diversi binarji u fost l-aktar inizjattivi riċenti li ttieħdu hemm il-helpline 138 li huwa għodda li qed tipprovdi vuċi aktar effettiva lin-nies biex jistaqsu u jirrapportaw.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni ħeġġeġ lil dawk li se jiġu eventwalment rikonoxxuti b’dawn il-premjijiet, biex ikomplu jaħdmu b’passjoni u dedikazzjoni u biex ikunu mudelli ta’ ispirazzjoni għal oħrajn.

Is-sejħa għall-kuntratturi biex jirreġistraw l-interess tagħhom fetħet mill-bieraħ u se tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Ottubru 2024. Is-sottomissjonijiet għall-premjijiet se jibdew jintlaqgħu fl-20 ta’ Novembru 2024 u jagħlqu fil-11 ta’ Diċembru 2024. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir fit-22 ta’ Frar 2025.

Ekonomija

Sport