Friday, December 13, 2024

150 sena minn mewt missier il-palk Malti

Aqra wkoll

Bin Franġisku u Fortunata mwielda Borg, Wiġi jew Luigi Rosato twieled f’Bormla nhar is-16 ta’ Novembru 1795. Wiġi Rosato żżewweġ lil Anna Rebench u għex il-Birgu wara t-Torri tal-Arloġġ (Mario Attard, “Wiġi Rosato, l-ewwel drammaturgu Malti”, Festa Immakulata Bormla, 1998 – ħafna mit-tagħrif ħadtu minn dan l-artiklu). Wiġi Rosato kellu talenti akkademiċi, mużikali kif ukoll letterarji. Kien surmast tal-iskola, drammaturgu u poeta tajjeb għal żmienu. Ma jeżisti ebda ritratt jew xbiha tiegħu.

Ħafna mill-poeżiji ta’ Rosato ntilfu filwaqt li oħrajn jinsabu mxerrdin fil-Biblijoteka ta’ Malta. Għalkemm il-poeżija tiegħu hija nieqsa mis-siwi estetiku f’dak iż-żmien bikri tal-poeżija Maltija, Rosato ħaddem fil-versi tiegħu l-prinċipju patrijottiku fl-interpretazzjoni Mazzinjana: “Senza patria, voi non avete name, ne segno, ne voto, ne diritti, ne battesimo di fratelli tra i popoli” (Mingħajr patrija la għandkom isem, la ħolma, la drittijiet u lanqas magħmudija tal-aħwa fost il-popli).

Rosato kien ukoll ikanta u kien ukoll direttur ta’ teatrin fil-Belt u jieħu ħsieb xi għaqdiet teatrali. Fit-Teatru Rjal saru serati f’ġieħu fis-7 ta’ Ġunju 1852, fit-12 ta’ Mejju 1858, fit-18 ta’ Marzu 1859, fit-30 ta’ Mejju 1859 u fit-3 ta’ Lulju 1861. Fl-aħħar serata ta’ ġieħ li saritlu fit-3 ta’ Lulju 1861 fit-Teatro Reale di Malta, ittellgħet rappreżentazzjoni traġika bl-isem ta’ “Le Glorie di Malta ossia il-Konġura ta’ Mustafa Bassa ta’ Rodi kontra l-Gran Mastro Emmanuele Pinto u l-Kavallieri tal-Ordni Ġerosolmitan”, dramm storiku miktub minn Pietro Andolfati.

Rosato l-Kantant

Wiġi Rosato kien prim korist fit-Teatru Manoel u kanta wkoll fl-opri liriċi II Pellegrino Bianco (1822), Riccardo e Zoraide (1825), Bianca e Gernando (1830), Fausta (1835), II Rinnegato (1836), II Bravo (1836), Lucrezia Borgia (1837), Torvaldo e Doriesca (1837), L’Italiana in Algieri (bla data), Ines De Castro (bla data), La Gazza Ladra (1839), Danao D’Argo (1839) u II Nuovo Figaro (1846).

Fit-tieni volum tal-manuskritt tiegħu Cronistoria dell’Opera Lirica, Mikelanġ Borg iniżżel għall-ewwel darba l-isem ta’ Luigi Rosato fost il-kantanti rġiel għall-istaġun operistiku 1822-23. Rosato kien kanta f’II Pellegrino Bianco, drama per musica f’żewġ atti ta’ Filippo Graziolo. Kienet it-tielet opra għas-sena 1822 u Rosato kellu fiha l-parti ta’ Tomaso. 

Rosato l-Poeta

Il-mibki Professur Oliver Friggieri fl-Istorja tal-Letteratura Maltija, kiteb hekk dwaru: “Luigi Rosato (1795-1872) hu versifikatur popolari li jinterpreta s-sentimenti komuni tal-kotra f’versi Ii, għad Ii sikwit m’għandhomx il-kwalitajiet ta’ wħud mill-għanjiet Ii ssemmew diġà, iwettqu l-fehma Ii min matul dan il-perjodu kkompona xi kitba ta’ skema metrika kellu l-għan ewlieni Ii jiddeverti lill-poplu.”

“Ngħidu aħna, ‘Jekk tafni nfakkrek fija’ (misluta minn ‘Għajdut Malti għat-tifkira tal-armla Reġina Adelaide…’ ) żżomm il-fil narrattiv għax kien sewwa sew dan li riedet l-aktar il-kotra mill-poeta popolari jew estemporanju. Ir-rakkont jitkellem dwar l-imħabba iżda jinħall fi skerz għax, kif kienet temmen ukoll il-biċċa l-kbira tal-poplu, il-patetiku u l-komiku donnhom kienu varjazzjonijiet ta’ tema waħda.” (Vol I, p. 100).

Mużika u Letteratura

Rosato uża ħafna mill-ħila letterarja tiegħu fil-qasam operistiku fi żmien meta f’Malta kien hawn fervur qawwi għaliha. Lil Rosato nsibuh jikteb erbatax-il kwartina lill-Maestro Paolo Nani f’serata ta’ ġieħ li kienet ittellgħet fit-12 ta’ Mejju 1847. Iddedika wkoll versi lil Marietta Tancioni wara li kien tqabbad minnha stess. F’dan il-każ ma ġabx ismu sħiħ imma l-inizjali L.R. F’din l-istess poeżija Rosato jesperimenta bil-metrika billi mill-kwartini tat-tmienja jaqleb għall-kwartini tal-ħamsa. Kien ukoll tqabbad jikteb minn Luigi Bellisario għas-serata tat-2 ta’ Awwissu 1852.

F’dawn is-serati kienu jittellgħu diversi rappreżentazzjonijiet. Fil-lejla ta’ Nani, is-sehem ta’ Wiġi Rosato kien Un Duetto in Maltese mibni fuq l-opra Le Notti per il puntiglio. Fis-7 ta’ Ġunju 1852 tella’ l-farsa Għama u bid-Dawl u fis-serata ta’ ġieħ lit-tenur Pavnani Oliva, Rosato pprezenta l-farsa L-Ittra u l-Ħakem.

Dan kien żmien meta kittieba u ammiraturi tat-teatru kienu jistampaw poeżiji jew taqbiliet ad unur artisti barranin li jkunu kantaw f’xi opra mużikali fit-teatri ewlenin tal-Belt. Kienet id-drawwa Ii qabel dawn l-artisti jħallu Malta kienet issirilhom serata f’ġieħhom u fiha kienu jinqraw dawn il-poeziji li jfaħħru l-ħila tagħhom, il-qalb kbira tal-Maltin u s-sbuħija ta’ Malta. Dawn kienu jkunu bit-Taljan u bil-Malti. 

Lil Rosato nsibuh jagħmel hekk fl-1838 għaż-żjara tar-Regina Adelaide. Rosato kiteb tmien kwartini bil-vers popolari ddedikati Lil Camilla Darbois – L-Ewwel Għannejja fit-Teatru ta’ Malta (il-Manoel). Kif jikteb Mario Attard, f’demmu Wiġi Rosato kellu inklinazzjoni speċjali għall-mużika – il-fatt li kien jaħdem fit-teatru fl-istaġun tal-opri fil-Manoel, jixhed dan, daqs kemm kellu mħabba għall-ilsien Malti (bħad-dramm Katarina). 

Rosato jintroduċi l-Malti fit-Teatru

It-Teatru Manoel kien ideali kemm għall-opra kif ukoll għad-drammi. Wiġi Rosato fetaħ it-triq għall-kittieba lokali tal-palk li ġew warajh biex jissuktaw jipproduċu xogħlijiet bil-Malti. Il-fatt li fis-seklu dsatax il-poplu beda jikkonkorri bi ħġaru għat-teatru għamel mid-dramm medium popolari f’Malta. Nistgħu ngħidu li wara l-1838, is-sena li fiha Rosato ppreżenta d-dramm “Katarina”, it-teatru ħa l-ħajja fil-gżejjer tagħna. 

Rosato tella’ l-ewwel dramm tiegħu fit-Teatru Manoel fis-16 ta’ Ġunju 1838. Dan kien avżat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ tlett ijiem qabel. Hawn insibu Ii dakinhar kellha ssir rappreżentazzjoni straordinarja bid-dramm Malti “Katarina” (li mbagħad kien ġie stampat fi ktejjeb fl-1847). Hekk b’“Katarina”, Rosato introduċa l-ilsien Malti fit-teatru.

Mario Azzopardi jgħid li “fil-prattika, it-teatru indiġenu fil-Manoel diġà kien ilu għaddej talinqas, u b’mod regolari, mill-1838, meta l-Gazzetta tal-Gvern infurmat lill-pubbliku li kien se jkun hemm ‘spettaklu speċjali’ bl-ilsien Malti, waqt is-serata ta’ Luigi Rosato, meqjus bħala missier il-palk Malti. B’reputazzjoni tajba ta’ impresarju, kantant u attur, Rosato ndaħal biex jikteb dwetti, fares u fuq kollox id-dramm patrijottiku ‘Katarina’.” (“It-Teatru f’Malta”, 2003)

L-istudjuż tat-teatru Marco Galea jgħid li “Rosato kien kantant impjegat fuq bażi part-time mat-teatru ewlieni f’Malta meta fl-1839 kiteb id-dramm li kellu jiġi interpretat fil-‘benefit night’ tiegħu. It-Teatru Rjal kien proprjetà tal-Istat u kkontrollat minnu, li anke matul il-perjodu kolonjali Brittaniku l-Istat rah primarjament bħala teatru tal-opra u ħatar impresarju biex jimpjega kumpanija tal-opra u jorganizza l-programm għal staġun wieħed jew aktar. Dak li l-ispettaturi kienu jaraw f’dan it-teatru kien għalhekk prinċipalment l-opra Taljana, peress li ġeneri teatrali Ingliżi ftit li xejn għamlu avvanzi fil-gżira.”

“Għalhekk, meta Rosato ddeċieda li jikteb dramm bil-Malti u jtellgħu għal pubbliku mdorri biex jara xogħlijiet bit-Taljan biss, kien qed jagħmel dikjarazzjoni politika qawwija favur kultura ġdida li tuża l-lingwa vernakulari bħala l-mezz primarju ta’ espressjoni tagħha.” 

“Is-suġġett huwa wkoll sinifikanti ħafna. Billi għażel li jikteb dwar l-Assedju l-Kbir, Rosato jenfasizza l-kwistjoni tan-nazzjonalità u juża l-istorja biex jenfasizza l-valuri li hu (u l-biċċa l-kbira intellettwali ta’ żmienu) kien iqis bħala markaturi tal-identità nazzjonali Maltija.”

“Il-Maltin huma murija bħala kuraġġużi, onesti u fidili lejn ir-reliġjon tagħhom. Dawn kollha huma karatteristiċi li kienu importanti għall-proġett ta’ bini ta’ nazzjon li l-artisti kienu qed jimbarkaw fuqu bil-mod, u li fi żmien qasir kien se jittieħed mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ politiċi li qed jiġġieldu għad-drittijiet u rappreżentazzjoni mill-gvern kolonjali.” (“The Ottoman Turk in Maltese Theatre and Drama: A Discussion of the Role of Stereotypes in the Theatre of a Small Nation”, Journal of Theatre Criticism and Dramaturgy, Istanbul University Press, 2021)

“Katarina”

Id-dramm, miktub bil-versi, jiddramatizza l-istorja ta’ żagħżugħa Maltija u l-familja tagħha, li jinqabdu fil-ġrajjiet tal-assedju tal-1565. L-ewwel parti tad-dramm hija narrattiva ħafna fin-natura. Galea jgħid li Rosato “mill-ewwel jistabbilixxi l-parametri li fihom qed jiddiskuti l-assedju. Fil-‘world view’ maħluqa mid-dramm din hija gwerra bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn komunità innoċenti u invażur aggressiv, bejn il-Kristjaneżmu u l-Islam. L-Ottomani, jew kif inhuma dejjem imsemmija fid-dramm, it-Torok, huma deskritti fin-negattiv, anke b’termini umiljanti. Huma ‘misħutin’ u ‘krudili’ u l-karattru u l-intenzjonijiet tagħhom huma riflessi anke fid-dehra fiżika tagħhom.”

L-ewwel taqsima ta’ Katarina, Rosato jambjentaha fit-truf tas-Siġġiewi, ambjent rustiku, filwaqt li t-tieni taqsima hija ambjentata fl-Irdum tal-Madliena fejn Għajn Qadi (forsi bejn Burmarrad u l-Għallies fejn tinsab il-qasam art imsejha Il-Qadi). Azzopardi jgħid li Katarina “jirrappreżenta l-fażi matura ta’ Rosato”.

L-iskop li għalih kiteb dan id-dramm storiku huwa mistqarr fil-bidu ta’ Katarina: biex iqiegħed fil-prattika t-tweġiba għall-appell li kien għamel min imexxi “I Revista” (Nru 5) “sabiex xi ħadd jagħti widen għall-kitba Maltija”. Mill-istess ktejjeb insibu kelmtejn lill-qarrejja li fihom Rosato jistqarr l-intenzjoni tiegħu fil-kitba ta’ dan id-dramm b’dedika: “Alla Nazione Maltese, in segno di dovere e di amore, dedico e consacro” (niddedikah lin-nazzjon Malti, b’sinjal ta’ dover u mħabba).

Ried jgħallem u jiddeverti

B’xogħlijietu Rosato ried iqajjem is-sens nazzjonali u jqawwi l-fidi Nisranija f’ħutu l-Maltin. ld-drammaturgu Bormliż kien ewlieni fl-għarfien tal-kitba teatrali bħala mezz għall-formazzjoni intellettwali u kulturali tal-poplu. Dejjem ħares lejn il-kitba bħala mezz biex bih jgħallem lill-poplu u fl-istess ħin jiddevertih. 

Azzopardi jgħid li “Rosato għandu l-importanza tiegħu bħala esponent ewlieni tax-xogħol buffu bbażat fuq il-commedia dell’arte, bl-eki tagħha jidwu anki fit-titli ta’ Zinzi, Zanzu, Zonzu, jew Zanu li kien jagħti lill-karattri farseski li joħloq, u li b’xi mod jistgħu jevokaw liz-zanni tal-kummiedja Taljana, l-eroj tat-teatru tal-plebej. Ir-riċetta tal-isterjotipi hi preżenti kontinwament: il-missier awtokratiku, il-bint bla rieda u manipulata, il-membri statiċi tal-klassi l-għolja li trid tiddefendi l-privileġġi u s-seftur baħnan li jdabbar rasu, mudell li mbagħad iddomina x-xena tat-teatrin f’Malta”. 

Karattri b’diżabiltajiet fiżiċi bħal ħotbin u zopop baqgħu jkunu sfruttati fit-teatrin għal ħafna żmien wara, kif Rosato jagħmel fil-kummiedja bi tliet atti Il-Konġura tal-Erba’ Ħotbin (1864) li fiha minbarra l-ilsien Malti Rosato juża t-Taljan, l-Ingliż u l-Franċiż. Din tal-aħħar tista’ titqies xi ftit jew wisq avangard meta nqisu li f’dawk is-snin l-ilsien Malti kien għadu wisq ’il bogħod mill-għarfien tal-identità tiegħu.

Missier il-Palk Malti

Wiġi Rosato miet nhar l-1 ta’ Settembru 1872, 150 sena ilu, fil-għomor ta’ 77 sena u jinsab midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. F’Bormla u f’Pembroke hemm toroq imsemmija għalih.

Mario Attard jgħid li Luigi Rosato, Mons. Ludovik Mifsud Tommasi (1796-1879) u Rikkardu Taylor (1818-1865) jiffurmaw tripied importanti fast il-persuni distinti Bormliżi. Rosato kien l-ewwel wieħed li uża l-ilsien Malti fuq il-palk; Mifsud Tommasi l-ewwel wieħed li ta lill-poplu Malti l-kant u t-talb reliġjuż bi lsienu, u Taylor inqeda bil-ġurnaliżmu u l-kitba letterarja tiegħu biex jgħallem lill-poplu.

Ftit wara Rosato tfaċċaw Carmelo Camilleri (1821-1903) li kompla għen lill-palk jissaħħaħ bil-kummiedji tiegħu bħalma kienu Tieġ fil-Karnival u Zimina, u Pietru Pawl Castagna (1824-1907). Fost drammaturgi oħra li ġew wara Rosato u għamlu isem insibu lil Mikelanġ Borg, Carmelo Huber u Ġużè Muscat Azzopardi. 

Il-kummiedja tal-bidu kellha xeħta romantika u melodrammatika, u hekk baqgħet sat-Tieni Gwerra Dinjija ħlief għal xi eċċezzjonijiet. Skont Azzopardi, din “ħalliet marki persistenti fuq it-teatrin, id-dieta stabbli tad-divertiment ‘il-ġdid’ tal-massa”. Marco Galea wkoll jgħid li “l-importanza tad-dramm ‘Katarina’ tinsab mhux biss fil-fatt li huwa l-ewwel dramm bil-Malti li nafu li qatt ittella’, iżda wkoll fis-sens li ta t-ton (set the tone) lil ħafna minn dak li nkiteb matul il-bqija tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20”.

Ekonomija

Sport