Saturday, November 23, 2024

150 talba kuljum mill-qraba biex jaraw lill-anzjani f’San Vinċenz

Aqra wkoll

Minn CLAUDIO COLEIRO

Mindu tħabbar illi d-djar tal-anzjani kienu se jħallu l-qraba jaraw lir-residenti, irriżulta li r-residenza San Vinċenz de Paul, l-ikbar waħda f’Malta, kellha medja ta’ 150 talba kuljum mingħand familjari li xtaqu jaraw lill-għeżież tagħhom.

Kienet il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Josianne Cutajar, li ħabbret dan ma’ Inewsmalta hekk kif ilbieraħ din ir-residenza, flimkien ma’ djar residenzjali oħra tal-anzjani, fetħu il-bibien tagħhom għall-familjari wara aktar minn xahrejn magħluqa minħabba l-Covid-19.

Żorna San Vinċenz de Paul biex jara l-andament ta’ dawn iż-żjarat fejn sab kju ta’ nies jistennew quddiem tinda armata apposta biex it-tmexxija tar-residenza tkun tista’ tikkonferma l-appuntamenti illi saru fil-jiem li għaddew.

Wara li sarulhom il-verifiki kollha neċessarji, il-familjari mbagħad għaddew minn kamra fejn itteħdilhom it-temperatura u setgħu jaħslu idejhom bil-hand sanitizer. Bħala prekawzjoni, huma kienu mitluba wkoll biex jilbsu l-maskli jew il-visors.

Fl-entratura prinċipali sabu jistennihom vann li wassalhom fil-post fejn kien hemm l-anzjani. B’kollox f’din ir-residenza saru 11-il visiting point għal 30 sala.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul qalet li minkejja li l-familjari setgħu jaraw lill-anzjani permezz ta’ Skype, kien evidenti ħafna n-nuqqas li dawn ma jistgħux jiġu jarawhom jew imorru ħdejhom kif kienu jagħmlu qabel. 

Hija spjegat kif wara li l-Ġimgħa tħabbar illi l-qraba jistgħu jerġgħu jaraw lill-għeżież tagħhom fi djar tal-anzjani, kienu ħafna dawk li kkuntattjawhom biex jagħmlu appuntament u biex ikunu jafu aktar dwar kif jistgħu jiltaqgħu fiżikament ma’ qrabathom.

Kien hawn fejn qalet li rċevew medja ta’ 150 telefonata kuljum biex isirilhom appuntament. “Qed nipprovaw nibbukkjaw kull ġimgħa biex kulħadd jingħata ċ-ċans tiegħu. Ħa naraw kif inmorru fl-ewwel ftit ġranet imbagħad eventwalment inżidu wkoll,” qalet Dr Cutajar.

Hija spjegat ukoll illi l-massimu ta’ ħin għall-vista huwa ta’ kwarta u ż-żjarat se jkunu qed isiru minn wara l-perspex. Kull resident jista’ jirċievi sa massimu ta’ erba’ persuni waqt il-ħin taż-żjara skedata għalih/a.

Il-viżitaturi għandhom iċemplu fuq in-numru 22912373 biex jingħataw appuntament għaż-żjara u li dan għandu jsir minn jumejn qabel iż-żjara skont kif ikun skedat. 

Intant, f’kummenti li tana, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis tenna li: “qegħdin innaqqsu xi ftit il-miżuri. Daħħalna sistema ġdida fejn il-familjari se jkunu jistgħu jaraw lill-anzjani f’San Vinċenz u d-djar tal-anzjani kollha f’Malta u f’Għawdex. Qed nieħdu ħsieb biex kull dar tkun aċċessibbli biex il-familjari jaraw lill-anzjani minn wara l-perspex.” 

Huwa kompla billi rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li fehem li l-miżuri li ttieħdu kienu għall-ġid tal-anzjani. “L-anzjani fid-djar kienu l-aktar nies li setgħu jintlaqtu mill-virus. Dan ma seħħx għax ħdimna bilgħaqal. Kburi li sal-lum ma kellna l-ebda mewt la f’San Vinċenz u lanqas fid-djar tal-anzjani l-oħra.” 

“Il-qraba llum moħħhom mistrieħ li min imexxi jaf x’inhu jagħmel. Il-miżura li ħabbarna biex ikunu jistgħu jerġgħu jaraw lill-anzjani, ntlaqgħet b’mod pożittiv mill-familjari,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Parnis.

Sport