Monday, December 9, 2024

1,500 persuna diġà ngħataw servizz mill-hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika f’Santa Luċija 

Aqra wkoll

Minn kemm ilu li beda jopera l-ewwel hub għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru f’Santa Luċija aktar kmieni din is-sena, diġà kien hemm ‘il fuq minn 1,500 li ħadu servizz minn dan iċ-ċentru.

Is-sena d-dieħla mistennija li jiftaħ it-tieni ċentru ta’ din ix-xorta fl-Imtarfa. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi ta’ dan il-Ministeru. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri sostna wkoll li dak li wiegħed il-Gvern fir-rigward tal-panic alarms, se jkun qed jiġi mwettaq fejn diġà waslu f’Malta l-kampjuni (samples) sabiex jiġu ttestjati biex imbagħad ikun imiss il-proċess ta’ procurement u fil-ġimgħat li ġejjin dawn jidħlu fis-seħħ.

Sadanittant, hekk kif jiġu fi tmiemhom is-seduti parlamentari relatati mal-estimi tal-Budget, il-Parlament mistenni li jibda jiddiskuti wkoll l-electronic tagging, bil-Ministru Camilleri jgħid li din se tkun riforma kbira li se tgħin fir-rijabilitazzjoni, l-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni lura fis-soċjetà filwaqt li se tagħti fakultà ġdida lill-Qrati. 

Huwa rrefera wkoll għall-Aġenzija ta’ Appoġġ għall-Vittmi (Victim Support Agency), li qiegħda toffri għajnuna kbira lill-vittmi li sofrew minn reati ta’ kriminalità. Barra minn hekk, illum wieħed jista’ jagħmel ukoll rapport online lill-Pulizija, fejn fi ftit xhur mit-tnedija ta’ dan is-servizz diġà kien hemm mal-2,000 rapport. 

Il-Ministru Camilleri tkellem dwar l-importanza tal-community policing u anke s-servizz ġdid tal-Patrol and Communicy Support Officer fejn b’rabta ma’ dan l-aħħar servizz diġà kien hemm numru sabiħ ta’ persuni li huma interessati li jissieħbu biex jaqdu dan l-irwol. 

“Bil-prevenzjoni tista’ tilħaq aktar riżultati. Il-prevenzjoni minn hemm tasal… mill-preżenza kontinwa fil-lokalitajiet tagħna. Għaliex proprju hemm li rriduhom l-uffiċjali tagħna,” qal il-Ministru Camilleri. 

Ma naqasx ukolli milli jitkellem dwar l-investiment kontinwu li qed isir fil-Korpi Dixxiplinati fosthom bl-introduzzjoni ta’ lbies protettiv ġdid għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. 

Fl-istess waqt, huwa stqarr li dan huwa l-ewwel Gvern fl-istorja li tejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha tal-Korpi Dixxiplinati, bi ftehim kollettiv wieħed wara l-ieħor. “Investejna f’dawn il-ħaddiema. Is-suċċess li qed jiksbu huma kollha flimkien irridu nkomplu nibnu fuqu.”

Dwar l-Aġenzija Identità, il-Ministru Camilleri spjega kif din ħadmet fuq sistemi aktar b’saħħithom fejn saħansitra twaqqfet compliance unit sabiex fejn ikun hemm persuni li jipprovaw jaġixxu b’mod li m’għandhomx jaġixxu, isiru rapporti fil-konfront tagħhom. Dan filwaqt li l-aġenzija kompliet issaħħaħ is-servizzi li toffri liċ-ċittadini f’dak li jirrigwardja l-passaporti u l-karti tal-identità fost oħrajn. 

Dwar is-suq tax-xogħol, il-Ministru Camilleri semma kif dalwaqt se titnieda l-Labour Migration Policy li dwarha se tkun qiegħda titnieda konsultazzjoni. F’din il-politika se tingħta importanza fost oħrajn għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema u enfasi akbar fuq il-ħiliet u t-taħriġ li dawn ikunu qed jirċievu f’pajjiżna jew mill-kumpanija li jkunu qed jaħdmu magħha.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport