Monday, December 9, 2024

“Li tirrapporta huwa sinjal ta’ kuraġġ”- Il-Ministru Michael Falzon f’konferenza dwar 30 sena ta’ għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika 

Aqra wkoll

“Il-vjolenza domestika hija problema mhux ta’ dawk involuti biss imma hija familjari u ssir interġenerazzjonali. Tista’ tara t-tendenzi u xi kultant din it-tip ta’ ħajja twassal għal ċirku vizzjuż u tibqa’ tirrepeti ruħha. Irridu nwasslu l-messaġġ hemm barra li tirrapporta huwa sinjal ta’ kuraġġ u mhux ta’ dgħufija. Id-dgħajjef huwa l-agressur għax huwa vjolenti… Dan għax f’moħħu jaħseb li huwa superjuri fuq il-vittma. Huwa d-dover sagrosant tagħna kif ukoll obbligati, li flimkien niġbdu ħabel wieħed fl-istess ħin u fl-istess direzzjoni għax naslu qabel”.

Qal dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt il-konferenza “Niċċelebraw 30 Sena ta’ Għajnuna lill-Vittmi ta’ Vjolenza Domestika” imtella’ mill-FSWS taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono. Lokalment bħalissa għaddejja l-kampanja nazzjonali ta’ 16-il jum “Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu” li għandha l-mira li tissaħħaħ il-ġlieda u l-prevenzjoni tal-vjolenza domestika f’pajjiżna, pjaga soċjali rikorrenti li baqgħet tippersisti tul is-snin. Din il-kampanja hija wkoll mtella’ f’diversi pajjiżi, bħala eżerċizzju kollettiv biex jieqaf dan it-tip ta’ abbuż kiefer li jseħħ wara l-bibien tad-djar. 

Il-Ministru Falzon qal li bħala pajjiż u b’mod ġenerali, dejjem tajna attenzjoni lill-vjolenza domestika. “Il-vjolenza domestika, flimkien mal-protezzjoni tat-tfal, kienu l-ewwel żewġ servizzi organizzati li nbdew f’dan il-pajjiż u dan waħdu jgħaddi messaġġ qawwi. Il-kelma abbuż ukoll tgħaddi messaġġ għax bħala terminu huwa aktar preċiż mit-terminu vjolenza. Dan għax bi vjolenza għandna tendenza nassoċjaw ma’ vjolenza fiżika imma abbuż jista’ jkun taħt forom differenti fosthom dak fiżiku, psikoloġiku u dak finanzjarji. Li jibqa’ l-istess huwa l-fatt li kull tip ta’ abbuż għandu jkun ikkundannat. Imbagħad meta naraw il-kelma domestiku, dan huwa l-agħar forma ta’ vjolenza għax din it-tip ta’ vjolenza fil-familja ssir fil-post fejn ir-relazzjonijiet għandhom ikunu ta’ mħabba”. 

Filwaqt li l-Ministru Falzon qal li tul is-snin wasalna ħafna fejn tidħol il-vjolenza domestika, fosthom u “żgur” fejn tidħol l-istigma u t-tabù assoċjati ma’ dan is-suġġett qal ukoll li m’għadux aċċettabbli li l-vittma tieħu t-tort tas-sitwazzjoni fuqha. Insista li, “għad hemm xi jsir. L-edukazzjoni hija kruċjali f’kollox u rridu nkomplu nwasslu l-messaġġ hemm barra. Il-vjolenza domestika ma taffettwax biss liż-żewġ naħat ikkonċernati imma tinvolvi l-familji u hija wkoll problema soċjali. Soċjetà li taċċetta kull tip ta’ vjolenza, hija soċjetà marida. Dan għax il-bniedem mhuwiex maħluq għall-vjolenza imma għall-imħabba”.

Il-Ministru Falzon ġibed l-attenzjoni li l-bidla f’dan il-qasam hija kostanti u għaldaqstant, “anke aħna rridu ninbidlu”. Filwaqt li ma setax iwiegħed li xi darba l-pjaga tal-vjolenza domestika tkun eradikata, qal li hemm bżonn ta’ edukazzjoni kif ukoll li noħroġ messaġġ hemm barra li s-soċjetà u l-kultura tagħna ma tittollerax il-vjolenza. 

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, assigura li, “aħna qegħdin hemm biex ngħinu, se nagħmlu l-aħjar tagħna, se nkomplu ninvestu. Imma, l-ewwel u qabel kollox, irridu nkunu hemm meta jinqalgħu l-problemi u rridu nkunu hemm qabel ma jseħħu dawk il-problemi”.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport