It-tenur Kanadiż Jon Vickers – Infakkru l-100 sena mit-twelid tiegħu

Aqra wkoll

Jikteb Peter Paul Ciantar

Għalkemm il-mużika minn dejjem kienet fid-DNA tiegħi, jiena xorta dejjem nistqarr li x-Xandir Nazzjonali  fl-imgħoddi għallimni ħafna. L-ewwel LPs li rajt fil-librerija tax-Xandir kienu għalija bħal injezzjoni fl-għarfien akbar fil-qasam tal-mużika, kemm serja kif ukoll operistika.

Niftakar sewwa meta rajt għall-ewwel darba LPs tat-tenur Kanadiż Jon Vickers. Aktar issaħħart meta sirt naf li dan it-tenur huwa wieħed mit-tenuri kbar tal-Otello – il-karattru tant diffiċli għal kull tenur fl-opra li ġġib l-istess isem b’mużika ta’ Verdi. U ta’ dan il-karattru Otello , Jon Vickers irrekordjah darbtejn, l-ewwel ma’ Tullio Serafin fis-sena 1960 u xi snin wara fl-1973  ma’ Herbert Von Karajan – żewġ diretturi kbar ta l-orkestra. U fir-rekordings, Vickers dejjem kellu  kantanti operistiċi mill-kbar nett, biex taraw il-kobor ta’ dan il-kantant Kanadiż.

Dan it-tenur ta’ fama mondjali  sar famuż mad-dinja kollha għall-firxa wiesgħa ta’ karattri operistiċi u prinċipali ta’ opri  Ġermaniżi, Franċiżi, u Taljani. Imma wieħed ukoll inneħħilu l-kappell għas-sehem tiegħu ta’ tenur fl-opri ta’ Wagner – f’Die Walkure, Tristan und Isolde, Parsifal u anke fl-opra Fidelio ta’ Beethoven.

Jon Vickers kien ukoll jinterpreta tajjeb ħafna  dawk  il- kanżunetti Ġermanizi u  klassiċi  imsejħa ‘lieder’ .

It-tenur favorit ta’ Karajan

Barra li kanta ma’ Tulio Serafin u ħafna aktar ma’ Karajan, Jon Vickers kanta wkoll ma’ diretturi kbar oħra ta l-orkestra, fosthom Otto Klemperer, Colin Davis, Hans Knappertsbusch, u Thomas Beecham. U ngħidu aktar minn hekk, li ma’ Karajan (it-tenur favorit ta’ Jon Vickers) irreġistra diversi opri, mhux biss l-Otello li ġa semmejna iżda opri oħra u dejjem akkumpanjat minn orkestri famużi fosthom l-Orkestra Filarmonika ta’ Berlin.

Issa jiena fost ir-rekordings kollha li għamel Vickers (anke rekordings ta’ opri live) għażilt l-opra ta’ Benjamin Britten ‘Peter Grimes’ biex nippreżentaha bħala tislima lil Jon Vickers fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twelid tiegħu. Ngħidilkom il-vera kont bejn ħaltejn jekk nagħżilx ir-rekording tiegħu ta’ Otello  jew xi opra oħra. Imma kont qed nitkellem mal-ħabib tiegħi u studjuż sewwa tal-opra, Manuel Garzia, u qabżitlu kelma u lili impressjonatni sewwa. Manuel qalli li Vickers dejjem ftaħar bis-sehem tiegħu ta’ Peter Grimes u din kienet biżżejjed għalija li nagħżel u nippreżenta din l-opra fuq Radju Malta. U ngħidilkom ukoll ħbieb li ma ddispjaċini xejn għax verament huwa rekording tajjeb  ħafna ta’  din l-opra Ingliża ta’ Britten .

Hawn tajjeb li ngħid ukoll li  kien Jon Vickers li għamel din l-opra drammatika  ‘Peter Grimes’ magħrufa.

Insemmu wkoll li l-vuċi enormi u qawwija ta’ Vickers u t-teknika soda tiegħu ssodisfaw it-talbiet ta’ ħafna karattri operistiċi kemm Ġermaniżi, Franċiżi u Taljani. Huwa kien ukoll apprezzat ħafna għall-preżenza qawwija tiegħu fuq il-palk.

Twieled f’Prince Albert

Jon Vickers twieled mitt sena ilu fid-29 ta’ Ottubru tas-sena 1926 u miet ta’ 88 sena. Ismu propju huwa Jonathan Stewart Vickers.

Vickers twieled Prince Albert, u kien is-sitt wieħed f’familja ta’ tmien aħwa. Fl-1950, ingħata borża ta’ studju biex jistudja l-opra fir-Royal Conservatory of Music f’Toronto.

Ngħidu wkoll li Vickers twieled fi ħdan  familja mużikali ta’ William, għalliem u prinċipal tal-iskola, u Myrle (née Mossop). Bħala żagħżugħ, Jon kanta fil-knisja fejn kien jattendi missieru u l- ewwel intenzjoni  tiegħu kienet li jistudja l-mediċina. Ħadem anke  f’karaxx tal-ġar u għaldaqstant kiseb statura muskolari.

Bħala passatemp Vickers kien iħobb jagħmila ta’ bidwi u jqatta wkoll sieghat sħaħ fir-razzett tiegħu. Anke meta sar kantant operistiku professjonali , Vickers xorta kien isib ħin  imur  sar-razzett li tant kien għal qalbu  . 

Waqt produzzjoni semi-professjonali, l-attriċi ewlenija ħadet nota tar-reġistrazzjoni tal-vuċi tiegħu u bagħtitha fir-Royal Conservatory of Music f’Toronto (li ġa semmejnieh aktar qabel). Dan il-konservatorju wasslu għas-sehem tiegħu fl-oratorju ‘Messiah’ ta’ Handel u wara ġie offrut borża ta’ studju oħra.

Insemmu wkoll li Jon Vickers ta’ xi 30 sena  ngħaqad mal-kumpanija Royal Opera House, Covent Garden ta’ Londra u xi tliet snin wara ngħaqad ukoll  mal-Metropolitan Opera, New York.

It-Tieni Gwerra Dinjija

Vickers kien żgħir wisq biex iservi fit-Tieni Gwerra Dinjija, għalkemm iż-żewġ ħutu l-kbar, esperjenzaw din il-ħaġa, tant li wieħed minnhom sar priġunier tal-gwerra. Dan wassal lil Jon Vickers biex ikun b’ruħu u ġismu kontra Hitler.

Ngħidu wkoll li matul il-Festival ta’ Bayreuth tal-1964, meta Vickers kien qed joqgħod f’dar lokali, kien offiż minn xi rimarki li għamel is-sid tad-dar dwar il-perjodu taħt il-ħakma Nażista u għaldaqstant Jon  Vickers qatt ma aċċetta aktar li jieħu sehem  fil-Festival ta’ Bayreuth.

Ta’ xi 27 sena (1953) Jon Vickers iżżewweġ lil Henrietta (Hetti) Outerbridge. Kellhom ħames ulied. Wara mewtha fl-1991, Vickers iżżewweġ lil Judith Stewart.

Il-mewt tiegħu

Jon Vickers (li kien Protestant) miet bil-marda ta’ Alzheimer (marda li twasslek ukoll għal dimenzja). Huwa miet fl-10 ta’ Lulju 2015, f’Ontario il-Kanada. Fost oħrajn, kritiku tal-mużika sejjaħlu ‘it-tenur b’vuci t’Alla’.

Insemmu wkoll li fost l-unuri kbar li ngħatawlu kellu wkoll l-ogħla unur tal-Kanada fis-sena 1998.

Fl-opinjoni tiegħi, it-tenur Jon Vickers jistħoqqlu aktar għarfien u apprezament fost id-dilettanti Maltin ta’ l-opra.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport