Thursday, November 19, 2026
Home Sport Simone Perrotta … jirrappreżenta storja ta’ determinazzjoni, perseveranza u mħabba kbira lejn...

Simone Perrotta … jirrappreżenta storja ta’ determinazzjoni, perseveranza u mħabba kbira lejn il-logħba tal-futbol

0
26

Minn Cristian Muscat

Simone Perrotta huwa wieħed minn dawk il-plejers li isimhom jibqa’ marbut ma’ wieħed mill-isbaħ kapitli fl-istorja tal-futbol Taljan. Rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 mal-Italja, eks plejer ta’ Juventus, Chievo u Roma, Perrotta kellu karriera mimlija suċċessi, iżda wara dawn il-kisbiet hemm storja ta’ tfulija, sagrifiċċji u determinazzjoni.

Waqt żjara f’Malta fl-okkażjoni tal-attivitajiet Calcio Italia Legends, organizzati b’risq Step Up for Parkinson’s, ma’ Trident Football Pod, Perrotta tkellem dwar il-karriera tiegħu u l-ewwel snin ta’ ħajtu, li kienu fundamentali biex isawruh bħala futboler professjonali.

Il-preżenza tiegħu f’Malta kienet parti minn inizjattiva li laqqgħet ukoll żewġ eks internazzjonali Taljani oħra, Stefano Eranio u Pietro Vierchowod, f’serje ta’ attivitajiet li kellhom l-għan li jiġbru fondi u fl-istess ħin jagħtu opportunità lid-dilettanti tal-futbol jiltaqgħu ma’ dawn il-personalitajiet.

Perrotta għandu wkoll memorji marbuta mal-futbol Malti, fosthom il-konfront bejn Valletta u Juventus, li fih it-tim Malti kien ħareġ rebbieħ bl-għoti tal-penalties.

Huwa fakkar il-kundizzjonijiet tat-temp diffiċli u x-xita li kienu kkaratterizzaw dak il-konfront, iżda fl-istess ħin tkellem b’mod pożittiv dwar Malta.

L-eks internazzjonali Taljan faħħar is-sbuħija tal-gżejjer Maltin u l-ospitalità tal-poplu, filwaqt li semma wkoll li għandu ħabib li jgħix f’Malta u li qagħad idawru l-gżira.

Għalih, il-futbol jibqa’ mezz importanti biex jgħaqqad lin-nies, irrispettivament mill-pajjiż jew mill-kultura tagħhom.

Simone Perrotta twieled fis-17 ta’ Settembru 1977 f’Ashton-under-Lyne, viċin Manchester, fl-Ingilterra, minn ġenituri Taljani li kienu emigraw minn Calabria.

Huwa qatta’ l-ewwel snin ta’ ħajtu fl-Ingilterra qabel ma l-familja ddeċidiet li tirritorna l-Italja, meta kellu madwar ħames jew sitt snin.

Minkejja li kien għadu żgħir, Perrotta għadu jiftakar diversi episodji minn dak il-perjodu, partikolarment l-iskola li kien jattendi u l-ambjent li fih trabba.

Fix-xitwa li għaddiet, huwa saħansitra rritorna lejn il-post fejn twieled biex jerġa’ jżur xi postijiet li kienu parti mit-tfulija tiegħu.

“Meta mort lura l-Ingilterra, reġgħu ġewni f’moħħi diversi memorji. Għad għandi stampi ċari tal-iskola u ta’ ċerti postijiet fejn kont ngħix,” irrakkonta Perrotta.

Madankollu, meta l-familja rritornat lejn Cerisano, raħal żgħir fil-provinċja ta’ Cosenza, Perrotta beda jħoss rabta dejjem akbar mal-għeruq Taljani tiegħu.

Huwa spjega li minkejja li twieled fl-Ingilterra u kellu rabta maż-żewġ pajjiżi, qatt ma kellu dubju dwar l-identità tiegħu.

“Inħossni Taljan mija fil-mija. Meta wasal il-mument li nagħżel liema nazzjonalità nirrappreżenta, għalija ma kien hemm l-ebda dubju. Għażilt lill-Italja.”

Perrotta jirrakkonta li l-imħabba tiegħu lejn il-futbol bdiet fit-toroq tar-raħal fejn kien jgħix.

F’dawk iż-żminijiet, it-tfal kienu jqattgħu sigħat sħaħ jilagħbu barra, ħafna drabi mingħajr il-faċilitajiet li wieħed isib illum.

Fil-fatt, huwa jiftakar li kien hemm grawnd żgħir tal-konkos fejn kienu jilagħbu 5-a-side, iżda meta dak il-post kien ikun okkupat minn tfal akbar, kienu jsibu alternattiva fit-triq.

Żewġ ġebel kienu jservu bħala lasti u l-logħob kien jibqa’ għaddej għal sigħat twal.

Wara l-iskola, Perrotta kien imur id-dar, jagħmel il-homework u immedjatament joħroġ jilgħab il-futbol ma’ sħabu.

Kien proprju f’dak l-ambjent sempliċi li beda jinduna li kellu talent partikolari għal-logħba.

“Kont dejjem nilgħab il-futbol. Kienu jgħiduli li kont tajjeb, iżda dak iż-żmien kont sempliċement tifel li jieħu gost jilgħab ma’ sħabu.”

Ta’ madwar seba’ snin beda jilgħab mat-tim żgħir ta’ Cerisano, qabel ma kompla jiżviluppa l-ħiliet tiegħu f’Cosenza.

Wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-karriera ta’ Perrotta wasal meta kellu biss 14-il sena.

Wara li ħa sehem fi prova ma’ Reggina, li dak iż-żmien kienet tikkompeti fis-Serie B, ingħata l-opportunità li jingħaqad mal-klabb.

Din kienet opportunità kbira, iżda fl-istess ħin kienet tfisser li kellu jitlaq mid-dar u mill-familja tiegħu f’età żgħira ħafna.

Perrotta ammetta li l-ewwel xhur kienu diffiċli ħafna.

Huwa sab ruħu f’ambjent ġdid, ‘il bogħod mill-ġenituri u mill-ħbieb tiegħu, u kien hemm mumenti fejn is-solitudni kienet diffiċli biex jaffaċċjaha.

“Kont nibki għax kont inħossni waħdi. Kelli biss 14-il sena u kont ‘il bogħod mid-dar. Il-familja tiegħi kienet tgħidli biex ma naqtax qalbi u nibqa’ nipprova.”

Perrotta sostna li l-appoġġ tal-familja kien kruċjali biex seta’ jegħleb dawk il-mumenti.

Fl-istess ħin, huwa sab ambjent familjari fi ħdan Reggina, fejn kien hemm persuni li għenuh jadatta għall-ħajja l-ġdida tiegħu.

Maż-żmien, Reggio Calabria saret kważi t-tieni dar tiegħu, filwaqt li l-esperjenzi li għadda minnhom għenuh jikber mhux biss bħala futboler iżda wkoll bħala persuna.

Wara li ddebutta fis-Serie B ma’ Reggina fl-1995, Perrotta beda jiġbed l-attenzjoni ta’ diversi klabbs importanti.

Fl-1998 ingħaqad ma’ Juventus, fejn sab kompetizzjoni kbira f’nofs il-grawnd, bi plejers bħal Zinedine Zidane, Edgar Davids, Antonio Conte u Didier Deschamps.

Għalkemm ma kellux ħafna opportunitajiet biex jilgħab, dik l-esperjenza kienet importanti fl-iżvilupp tiegħu.

Aktar tard, Perrotta lagħab ma’ Bari u Chievo, fejn stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-midfielders l-aktar konsistenti fis-Serie A.

Fl-2004 ingħaqad ma’ Roma, fejn qatta’ disa’ snin u sar wieħed mill-plejers importanti tat-tim.

Taħt Luciano Spalletti, Perrotta kellu rwol fundamentali f’nofs il-grawnd, grazzi għall-enerġija, il-moviment kontinwu u l-kapaċità tiegħu li jgħin kemm fid-difiża kif ukoll fl-

attakk.

Ma’ Roma rebaħ żewġ edizzjonijiet tal-Coppa Italia, fl-2007 u fl-2008, kif ukoll is-Supercoppa Italiana tal-2007.

L-akbar suċċess fil-karriera tiegħu wasal fl-2006, meta kien parti mit-tim nazzjonali Taljan li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fil-Ġermanja.

Taħt it-tmexxija ta’ Marcello Lippi, Perrotta kien plejer importanti ħafna, tant li beda mill-ewwel minuta fis-seba’ logħbiet kollha tal-Italja, inkluża l-finali kontra Franza.

Dak is-suċċess kien il-qofol ta’ vjaġġ li beda fit-toroq ta’ Cerisano u kompla permezz ta’ snin ta’ ħidma, dixxiplina u sagrifiċċji.

Perrotta temm il-karriera internazzjonali tiegħu bi 48 dehra u żewġ gowls għall-Italja, filwaqt li rtira mill-futbol professjonali fl-2013.

Illum, l-istorja tiegħu tibqa’ eżempju ta’ kif it-talent waħdu mhux biżżejjed biex wieħed jasal fl-ogħla livelli.

Minn tifel li kien jilgħab bejn żewġ ġebel fit-toroq ta’ Calabria, sa champion tad-dinja bil-flokk tal-Italja, Simone Perrotta jirrappreżenta storja ta’ determinazzjoni, perseveranza u mħabba kbira lejn il-logħba tal-futbol.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here