F’Diċembru li ġej, eks plejers tal-futbol se jinżlu fuq il-court tal-padel biex jieħdu sehem fl-‘Ex Football Players Padel Cup 2026’. Id-dħul kollu minn dan it-turnew se jingħata bħala donazzjoni lil ‘The Malta Trust Foundation’.
It-turnew se jsir nhar it-Tlieta, 8 ta’ Diċembru, mill-11:00 ta’ filgħodu ’l quddiem, fil-faċilitajiet ta’ ‘IK Padel’ li għadhom kif infetħu fuq il-Gżira Manoel, fil-Gżira. L-attendenza hija bla ħlas, u l-pubbliku huwa mistieden jattendi biex isegwi l-logħob.
Din l-inizjattiva ġiet ippreżentata lil Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President Emeritu ta’ Malta kif ukoll Fundatriċi u President Eżekuttiv ta’ ‘The Malta Trust Foundation’, mill-kumitat organizzattiv, li jikkonsisti minn Sandro Micallef, Matteo Desira Buttigieg u Sharlon Pace.
Se jikkompetu mill-inqas 24 tim, magħmulin minn total ta’ 48 plejer. Dawn se jibdew b’fażi ta’ gruppi qabel ma jgħaddu għall-fażi tan-knockout. Is-semifinali u l-finali, li se jintlagħbu fuq il-court prinċipali professjonali tal-kumpless, se jixxandru wkoll fuq it-televiżjoni.
Fost l-eks plejers tal-futbol li diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom hemm Ernest Barry, Matthew Calascione, Jean Paul Farrugia, Gareth Sciberras, Brian Said, Steve Borg u Konrad Sultana.
Ir-reġistrazzjoni tagħlaq fl-1 ta’ Diċembru. Dawk interessati jistgħu jirreġistraw permezz tal-formola disponibbli fuq il-paġna ta’ Instagram @padel_foracause.
L-avveniment, li qed isir bl-appoġġ ta’ ‘IK Padel’ u ‘Gżira United FC’, għandu l-għan li jgħaqqad l-ispirtu ta’ ħbiberija sportiva u kompetizzjoni amikevoli ma’ kontribut sinifikanti għal kawża ta’ karità.




