Minn 3,035 swab test li saru fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 150 persuna li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Min-naħa l-oħra kien hemm 101 persuna li fiequ mill-virus.
Fl-aġġornamenti tagħha b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar sigħat il-vittmi telgħu għal 92 wara li mietu żewġ persuni oħra:
Raġel ta’ 95 sena li ddaħħal l-isptar fit-8 ta’ Novembru u rriżulta pożittiv l-għada li sfortunatament miet ilbieraħ filgħaxija.
Raġel ieħor ta’ 79 sena li ddaħħal l-isptar fis-27 t’Ottubru, l-għada rriżulta pożittiv u sfortunatament miet kmieni dalgħodu.
L-isptarijiet: total ta’ 208 persuni
Fl-ITU hemm 13-il persuna
Fl-IDU hemm 10 persuni
Fi swali oħra fl-Isptar Mater Dei hemm 36 persuna
Fl-Isptar Boffa hemm 42 persuna
F’San Tumas hemm 24 persuna
Karin Grech m’hemm l-ebda pazjent għax dik il-persuna li kien hemm fieqet
Is-Sammaritan it-Tajjeb hemm 69 persuna
Sptar Monte Carmeli hemm tliet persuni
Fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex hemm 11-il persuna
Il-każi ġodda tilgħin ’il fuq
gauci qalet li jekk tħares lejn il-każi ġodda, dawn bħal pajjiżi oħra tilgħin ’il fuq u ġieli jkollna wkoll xi peaks. Hija sostniet dwar l-imprtanza tal-mitigazzjoni biex kemm jista’ jkun is-sitwazzjoni tinżamm taħt kontroll.
Il-medja ta’ każi fl-aħħar ġimgħa hija ta’ 126 każ
Il-Clusters
Il-maġġoranza tal-każi li kellna fl-aħħar ġimgħa kienu qed jittieħdu minn familjari fl-istess familja. Każi oħra kienu ġejjin minn fuq il-post tax-xogħol u b’hekk hawnhekk għandha tingħata prijorità biex kemm jista’ jkun tonqos it-trasmissjoni. Kien għalhekk li Gauci fakkret dwar l-importanza tat-teleworking.
Clusters oħrajn kienu ġejjin minn tlaqqigħ soċjali u każi importati mis-safar.
Il-festi
Gauci qalet li mhuwiex żmien l-ikliet jew li niltaqgħu. Hija żiedet tgħid li hemm persuni fil-familji li jekk jiġu infettati bil-virus jaf ikollhom jaffaċċjaw kumplikazzjonijiet u b’hekk tajjeb li nieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
57 persuna Għawdxija minn fost il-każi attivi
Dwar il-każi attivi, Gauci qalet li dawn komplew jiżidedu u minn fosthom hemm 57 persuna li jirrisjedu fil-gżira Għawdxija.
Każi din il-ġimgħa
Dawk fl-età bejn il-25 sena u l-44 sena huma l-aktar li qed jinstabu pożittivi għall-virus u qiegħda tidher ukoll predominanza tal-irġiel ta’ bejn il-85 sena u l-94 sena li jirriżultaw pożittivi.
L-ilbies tal-maskra
Dwar l-ilbies tal-maskra, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charamaine Gauci appellat lill-pubbliku biex jilbes il-maskra sew u jevita li joqgħod jilbes u jneħħi l-maskra anke minħabba li jekk tlaqqat xi mikrobi, int u tagħmel tkun qiegħed f’riskju li żżid l-infezzjoni aktar milli tippreveniha.
Testijiet fl-ajruport
Sa mill-ewwel ġurnata li fih beda l-ittestjar fl-ajruport kien hemm 1,829 persuna li ġew ittestjati u minnhom kien hemm 65 persuna li rriżultaw pożittivi. Fl-aħħar jiem (bejn il-5 ta’ Novembru u l-11 ta’ Novemrbu) kien hemm 158 persuna li ġew ittestjati u minnhom kien hemm tmien persuni li rriżultaw pożittivi.
Ċitazzjonijiet
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist ta’ dan is-sit, il-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charamaine gauci qalet li s-sintomi ta’ persuni wara li jirkupraw għadhom qed jiġu studjati. Hija żiedet li fost il-konsegwenzi li qed jibqgħu hemm huma sogħla, għejja u sintomi oħrajn bħalma huma s-sensi tat-togħma u x-xamm.
Rigward is-sanzjonijiet b’rabta mal-maskri, Gauci qalet li minn fost 1,407 spezzjoni kien hemm 159 ċitazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Minbarra dawn hemm ċitazzjonijiet oħrajn li jinħarġu mill-uffiċjali tal-LESA.Intant Gauci fakkret li l-għan mhuwiex li jingħataw iċ-ċitazzjonijiet, iżda li l-maskra tintlibes u tintlibes kif sippost.