Saturday, May 4, 2024

Imweġġgħin għax kienu stmati ta’ “qattiela” waqt biża’ f’kuntatt kontinwu ma’ pazjenti bil-covid

Carers jirrikonoxxu l-ispalla tal-GWU waqt l-isfidi tal-pandemija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Imweġġgħin għax lil kulħadd semmew iżda aħna bħala carers għaddejna minn martirju sħiħ u konna aħna l-ewwel kuntatt mal-pazjenti infettati bil-virus”. Iddikjaraw dan ma’ Talk.mt il-carers Josephine Borg u Sylvia Cassar f’reazzjoni dwar dak li għaddew minnu fi żmien il-pandemija.

Il-carers li huma msieħba fil-General Workers’ Union qalulna li sabu sapport kbir mill-union f’dan il-perjodu u li għalkemm issa donna bdiet tindera s-sitwazzjoni, fl-ewwel ġimgħat kellhom bżonn gwida. 

“Bħala pandemija kellha anke problemi fuq nies mentali imma fuqna kienet ukoll. Rajna ħafna nies imutu quddiemna bil-virus, iġifieri aħna wkoll konna qegħdin iħossu dak kollu li kien qiegħed iħoss ħaddieħor. Bħala GWU kellha ċertu korsijiet fejn ġejna mgħallmin biex inkunu nistgħu nimxu ma dawn il-proċeduri u nkunu nistgħu nkunu nafu xi rridu nagħmlu meta niltaqgħu ma affarijiet bħal dawn”, spjegat tgħidilna Cassar.

Hija kompliet biex tgħidilna li l-istress fuqhom kien kbir. Mhux biss kellhom jagħmlu sigħat twal, anke b’ħin addizzjonali bil-PPE, minħabba kuntatt kontinwu mal-pazjent raw ħafna li sfortunatament tilfu ħajjithom quddiemhom u jridu jibqgħu hemm f’sitwazzjoni deskritta bħala “soffokanti”, kienu jinħaslu wara kull shift iżda xorta waħda jibżgħu huma u deħlin fi djarhom għax huma u ħerġin mill-Isptar setgħu xorta waħda jġorru l-virus u għalhekk kellek sitwazzjonijiet fejn kienu jħallu ż-żraben barra jew saħansitra jfittxu jneħħu l-ħwejjeġ minn fuqhom u xorta b’dik il-biża’ minħabba l-familji tagħhom.

“Kellek poplu li kien qiegħed jiddieħak biċ-Ċiniżi għax mal-ewwel filmati tagħhom bil-maskra ħadd minna ma kien jgħaddilu mill-kurituri ta’ moħħu li se nispiċċaw f’sitwazzjoni allarmanti bi pressjoni kbira fuq l-awtoritajiet”, kompliet Cassar.

“L-ikbar waħda li qisna qattiela! Meta bniedem tgħidlu li taħdem l-isptar kien jinġibed lura qisu għandna l-pesta. Bejn tifhimhom imma l-istress fuqna kien ikompli jiżdied”, kompliet biex tgħidilna filwaqt li żiedet li llum nafu li hawn mard ħafna aktar perikoluż mill-Covid.

Minn naħa tagħha Borg qalitilna li mill-esperjenza tagħha nnuttat li ċertu tfal jingħarfu li huma ta’ żmien il-virus anke minħabba li baqgħu b’widnejhom ftit ’il barra. Qalet li l-pandemija kienet iebsa għal kulħadd u hi li għandha n-neputijiet hija iktar konxja ta’ kemm kienet diffiċli biex qalb dak il-kaos ikollu tfal ta’ tliet snin li jagħmlu sigħat twal bil-maskra, liema maskra ġieli kienu jilbsuha ħażin u mhux biss kienu jkunu skomdi, iżda temmen li saħansitra għadhom ibatu l-konsegwenzi tagħha sal-lum.

“Jien tgħidli xejn imma għalija dik kienet weġgħa kbira li minħabba xogħli spiċċajna mċaħħdin milli naraw lin-neputijiet tagħna fejn ma’ kull kollega li kien joħroġ pożittiv kien ikollna nispiċċaw fil-kwarantina għal anke 15-il ġurnata jew iktar fl-ewwel xhur tal-firxa tiegħu”, żiedet Borg hi u ssemmi wkoll li kellha biża’ kbira minħabba żewġha li mhux biss huma mdaħħlin fiż-żmien, iżda anke kien għamel intervent f’qalbu u għalhekk ir-riskju fuqu kien ikbar.

“Kellek problema li minkejja kull prekawzjoni li żdiedt fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani, kellek persuni li l-istress fuqhom intensifika u spiċċaw fis-solitudni anke minħabba perjodu magħluqin. Kellek anzjani li aħna bħala carers konna l-unika kumpanija li kellhom, konna aħna li nlissnulhom tbissima b’xi diskursata jew xi ċajta imma ż-żmien ma kienx jippermetti dan u dik kienet daqqa kbira ta’ ħarta għalihom. Mhux biss, jiena kelli kuntatt man-nisa tqal li kienu jiġu għal appuntamenti u fl-isbaħ mumenti ta’ ħajjithom kellhom tensjoni indeskrivibbli fost l-oħrajn minħabba l-biża’ li t-trabi tagħhom jitwieldu infettati bil-virus …  Jien kif stajt indaħħakhom lil dawn in-nisa? ”, tenniet tgħid Borg.

Mistoqsijin dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-virus huma qalu li l-virus għadu magħna, imma li minkejja kull forma ta’ post fuq facebook intiża biex toħloq biża’, ħsara jew anke pressjoni fuq il-gvern, fil-verità dan ħa diversi miżuri ta’ prekawzjonijiet li anke minkejja li kellhom jiġu introdotti swali temporanji bħalma huma mobile toilets jew mobile showers, il-pazjenti Maltin baqgħu jieħdu l-kura fi żmien fejn pajjiżi oħra kellhom infermiera bi strajk jew saħansitra oħrajn li tilfu assolutament il-kontroll tas-sitwazzjoni fejn jidħol is-settur tas-saħħa.

Sport