Jikteb Cristian Muscat
Il-pizzaiolo Malti Adrian Farrugia kiseb riżultat prestiġjuż fuq livell internazzjonali wara li rnexxielu jispiċċa fis-16-il post fil-kategorija Pizza Classica waqt kompetizzjoni li saret f’Napli, l-Italja, u li fiha ħadu sehem 130 kompetitur minn diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Għal Farrugia, dan ir-riżultat jirrappreżenta sodisfazzjon kbir, mhux biss fuq livell personali, iżda wkoll għaliex kellu l-opportunità li jerġa’ jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni ta’ livell għoli.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Farrugia tkellem dwar l-esperjenza tiegħu f’Napli, kif bdiet il-passjoni tiegħu għall-pizza, is-sigrieti wara pizza tajba u l-ambizzjonijiet tiegħu għall-futur.
Farrugia ma ħebiex il-ferħ tiegħu wara li kiseb post fost l-aqwa 16-il kompetitur fil-kategorija tiegħu.
“Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Din kienet it-tielet darba li tlajt nirrappreżenta lil Malta u din id-darba rnexxieli nidħol mal-ewwel 16. Li tikkompeti ma’ wħud mill-aqwa pizzaioli fid-dinja hija xi ħaġa speċjali ħafna,” qal Farrugia.
Huwa spjega li fost il-kompetituri kien hemm pizzaioli minn diversi pajjiżi, fosthom il-Panama u l-Ġermanja, minbarra parteċipanti oħra li għandhom esperjenza konsiderevoli fil-preparazzjoni tal-pizza.
Il-kompetizzjoni li saret fil-belt Taljana ta’ Napli, ikkunsidrata bħala l-mekka tal-pizza fid-dinja, kienet opportunità biex jara mill-qrib tekniki differenti, jiltaqa’ ma’ professjonisti oħra u jkompli jitgħallem f’qasam li fih dejjem hemm lok għal titjib.
Farrugia fakkar ukoll li fl-2024 kien kiseb it-titlu ta’ Best Pizzaiolo Malta, kisba li kompliet tħeġġu biex jieħu l-pass li jikkompeti fuq livell internazzjonali.
Għalih, il-fatt li din kienet it-tielet esperjenza tiegħu bħala rappreżentant ta’ Malta jagħmel ir-riżultat miksub aktar sinifikanti.
Iżda kif bdiet din il-passjoni għall-preparazzjoni tal-pizza?
Farrugia spjega li minn dejjem kien iħobb it-tisjir, iżda ma bediex il-vjaġġ tiegħu permezz ta’ taħriġ professjonali.
Fil-bidu kien iqatta’ ħafna ħin jara filmati fuq YouTube, jistudja kif issir il-pizza u jipprova jifhem it-tekniki differenti li jużaw il-pizzaioli.
“Dejjem kien jogħġobni t-tisjir. Bdejt nara ħafna filmati fuq YouTube u mbagħad għamilt forn f’għalqa biex nibda nipprova nagħmel il-pizza jien stess,” irrakkonta.
Bil-mod il-mod, beda jesperimenta b’għaġniet u ingredjenti differenti, filwaqt li dawk li kienu jduqu l-pizza tiegħu kienu jagħtuh kummenti pożittivi.
“Kienu jgħiduli li għandi pizza tajba, u dan tani aktar kuraġġ biex inkompli,” żied jgħid.
Maż-żmien, Farrugia saħansitra fetaħ ħanut, għalkemm aktar tard kellu jagħlqu. Illum għandu bar, iżda spjega li bħalissa ma jippreparax pizza bħala parti minn dik l-attività kummerċjali.
Minkejja dan, il-passjoni tiegħu qatt ma naqset.
Huwa kompla jattendi korsijiet speċjalizzati u jtejjeb il-ħiliet tiegħu, filwaqt li baqa’ jfittex opportunitajiet biex jikkompeti u jkabbar l-esperjenza tiegħu.
Wieħed mill-aktar aspetti interessanti tal-intervista kien meta Farrugia ġie mistoqsi dwar x’jagħmel pizza verament tajba.
Skontu, ħafna nies jaħsbu li aktar ma pizza jkollha ingredjenti, aktar tkun tajba.
Madankollu, huwa għandu opinjoni differenti.
“Jien nemmen li aktar ma pizza tkun sempliċi, aktar tkun tajba. Is-sigriet mhuwiex li timliha b’ħafna ingredjenti, iżda li jkollok għaġina tajba, zalza tajba u mozzarella ta’ kwalità,” sostna Farrugia.
Huwa spjega li meta pizza jkollha wisq ingredjenti, l-għaġina tista’ tixxarrab iżżejjed u dan jaffettwa r-riżultat finali.
Għalhekk, għalih, il-bilanċ bejn l-ingredjenti huwa essenzjali.
Bħala eżempju semma l-pizza li pprepara għall-kompetizzjoni f’Napli, li kienet tinkludi kombinazzjoni ta’ ingredjenti magħżula bir-reqqa.
Farrugia spjega li għall-kompetizzjoni għażel pizza b’żewġ tipi ta’ zalza, waħda ħamra u oħra safra, ippreparati mit-tadam cherry.
“Għamilt zalza ħamra u safra miċ-cherry tomatoes, żidt mozzarella fior di latte, mortadella, pistaċċi u ftit lumi maħkuka fuqha. Daqshekk biss. M’hemmx għalfejn iżżid ħafna affarijiet biex tagħmel pizza tajba,” spjega.
Din il-kombinazzjoni kienet il-bażi tal-pizza li biha rnexxielu jikseb is-16-il post minn fost 130 kompetitur.
Farrugia sostna li l-għażla tal-ingredjenti għandha dejjem issir b’attenzjoni, sabiex kull wieħed minnhom jikkumplimenta lill-ieħor mingħajr ma jgħatti t-togħma tal-għaġina.
Għal Farrugia, l-aktar element importanti fil-preparazzjoni tal-pizza jibqa’ l-għaġina.
Huwa spjega li l-proċess tagħha ma jistax isir bl-għaġla, għaliex jeħtieġ ħin, attenzjoni u għarfien.
“L-għaġina għandha proċess twil. Trid tħalliha madwar 24 siegħa tistrieħ u tiżviluppa. L-għaġina hija xi ħaġa ħajja,” qal Farrugia.
Huwa fisser li matul dan il-perjodu l-għaġina tgħaddi minn proċess ta’ fermentazzjoni li jinfluwenza n-nisġa, it-togħma u l-mod kif issir fil-forn.
Għalhekk, anke jekk il-pizza jkollha ingredjenti mill-aqwa, jekk l-għaġina ma tkunx ġiet ippreparata kif suppost, ir-riżultat finali jista’ ma jkunx dak mixtieq.
Farrugia semma wkoll il-pizza Margherita bħala eżempju ċar ta’ kif ftit ingredjenti jistgħu jkunu biżżejjed biex tinħoloq pizza eċċellenti.
Mistoqsi jekk qattx ikkunsidra li jiftaħ ristorant fl-Italja, partikolarment wara l-esperjenzi tiegħu f’Napli, Farrugia wieġeb li l-preferenza tiegħu tibqa’ Malta.
“Le, nippreferi Malta, għax lil Malta nħobbha immens. Nixtieq li xi darba niftaħ ristorant hawnhekk,” qal.
Għalkemm għadu ma ħabbarx pjanijiet konkreti, din tibqa’ waħda mill-ambizzjonijiet tiegħu għall-futur.
Farrugia temm billi esprima l-gratitudni tiegħu lejn dawk kollha li emmnu fih u appoġġjawh matul dan il-vjaġġ.
Għalih, il-klassifika miksuba f’Napli hija konferma li x-xogħol, il-perseveranza u l-passjoni jistgħu jwasslu għal riżultati importanti anke fuq livell internazzjonali.
“Għalija, Malta dejjem l-ewwel!” temm jgħid Adrian Farrugia, li issa jħares ’il quddiem lejn aktar opportunitajiet biex ikompli jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jirrappreżenta lil pajjiżu.
