Friday, November 20, 2026
Home Bloggers X’JGĦIDU L-MINISTRI

X’JGĦIDU L-MINISTRI

0
23

X’JGĦIDU L-MINISTRI

Ħaġa naturali li x’jingħad minn ministri ta’ gvern jingħata importanza mill-medja u miċ-ċittadini. L-attenzjoni li tingħata tkun kemm ta’ ammirazzjoni u appoġġ, kemm ta’ kritika u tmaqdir. Kelma nieqsa jew żejda tista’ toffri skop għal attakk politiku mifrux, b’dannu għall-interessi personali tal-ministru konċernat u għall-qagħda in ġenerali tal-gvern kollu kemm hu.

 Biex jevitaw perikli hekk, xi ministri joqogħdu b’seba’ għajnejn għal xi jgħidu. Ta’ spiss jispiċċaw ma jgħidu xejn ta’ sustanza. Oħrajn jibqgħu jirrepetu l-istess ħaġa, li jkunu qalu huma stess jew semgħu lil xi ħaddieħor (bħall-Prim Ministru) jgħid. Il-kalkolu tagħhom (mhux dejjem korrett) ikun li bir-repetizzjoni, ma jistgħu jaqilgħu l-ebda ċamata…

Fil-fatt, l-aktar ħaġa siewja mhijiex xi jgħid ministru, imma xi jwettaq.  Għalhekk ukoll issib ministri li jitkellmu mill-anqas. Tibda tistħajjel li l-anqas għadhom fil-kariga. Imbagħad tifli ftit ir-rekord tagħhom u ssib li għaddejjin ġmielhom. Forsi jispiċċaw l-aktar effettivi għax ħadd ma jinduna b’ħidmiethom li għalhekk ma tattira l-ebda kritika, kif ukoll l-ebda ammirazzjoni. Din tal-aħħar tista’ tkun ta’ deni daqs il-kritika u l-attakk, jekk twassal biex toħloq aspettattivi dejjem aktar għolja dwar il-ħidma tal-ministru konċernat.

MA NIFHIMX

Naqbel mija fil-mija li l-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna kiser il-liġi internazzjonali u jiġi kundannat bla ebda riżeerva.

Biss dan ma jfissirx li kull ma r-Russja qajmet bħala suġġetti ta’ interess vitali għaliha qabel il-bidu tal-gwerra – u minn dak iż-żmien lil hawn – għandu jitwarrab. Bil-maqlub, naħseb li l-interess tar-Russja fihom hu wieħed leġittimu, anke jekk dwaru baqgħet ma ngħatat l-ebda widen mill-forzi tal-Punent.

Forsi l-amministrazzjoni Trump bdiet tagħmel hekk fl-aħħar sentejn, imma għamlitu b’mod li ma jinftiehemx, mill-alleati tagħha żgur. Niddubita kemm inftiehem mill-istess poplu Amerikan. Aktar inħass bħala sforz biex żewġ Superpotenzi jibdew jaqblu bejniethom kif se jqassmu bejniethom ir-riżorsi tal-pajjiżi alleati magħhom!

Li l-potenzi tal-punent jiċħdu li jiddiskutu dawn il-materji ma jinftiehemx. Ovvjament,  diskussjonijiet hekk jagħmlu sens biss jekk il-pajjiżi Ewropej jkunu mdaħħla fihom mill-bidu sal-aħħar.

ODZ

Argument li smajt dan l-aħħar jolqot il-musmar fuq rasu. Art li mitqiesa bħala ODZ – jiġifieri li ma għandu jsir l-ebda żvilupp fiha – għandha tkun tassew hekk, mija fil-mija. Kwalunkwe żvilupp fiha mhux talli ma jistax jiġi aċċettat, talli lanqas għandu jiġi kunsidrat jew propost. Li tgħid li art hi ODZ ħlief forsi għal din jew dik ir-raġuni hu kontra sens u jrendi l-liġijiet dwar il-permessi tal-iżvilupp liġijiet tar-ridikolu, jew agħar, bħala miktuba apposta biex jippermettu l-manipulazzjoni, l-abużi, il-preferenzi u l-korruzzjoni.

19 ta’ Novembru 2026

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here