Monday, November 9, 2026
Home Alfred Sant IS-SIGURTÀ FIL-MEDITERRAN

IS-SIGURTÀ FIL-MEDITERRAN

0
43

Stramba kif f’ħafna mid-diskors li jsir dwar is-sigurtà fl-Ewropa, il-Mediterran kważi qatt ma jissemma. L-emfażi tibqa’ fuq iċ-ċentru-punent tal-kontinent, mitqies bħala taħt theddida mir-Russja. Ftit li xejn tingħata konsiderazzjoni l-inċertezza li tħalliet tiżviluppa mal-Mediterran – bl-instabbiltà perikoluża li baqgħet preżenti fil-Libja; bil-logħba li l-Istati Uniti jilagħbu biex jassiguraw kontroll akbar fuq riżorsi primarji ta’ enerġija u oħrajn; bir-rwol u l-aspirazzjonijiet tat-Turkija; bil-maniġġi tal-Iżraeljani biex ikollhom dominanza militari fil-lvant tal-Mediterran; bil-manuvrar tar-Russja biex issostni l-alleati tagħha fiż-żona u l-flotta “tad-dell” li żżomm għaddej dak li baqa’ mill-kummerċ barrani tagħha; bit-tkissir tal-Libanu; bin-nuqqas ta’ kordinament strateġiku bejn il-membri Mediterranei tan-NATO – jew dak li jidher bħala tali; u mhux l-anqas, bil-mewġiet ta’ ċaqliq uman lejn l-Ewropa li jseħħ minn Ceuta fi Spanja “Afrikana” sal-ibgħed kosta tat-Turkija.

It-tensjonijiet li baqgħu ħajja fil-Mediterran setgħu ngħataw aktar attenzjoni? Veru li ma jaħarqux daqs il-kunflitt fil-madwar tal-Ukrajna. Dan ma jfissirx li mhumiex serji u jistgħu jsiru aktar.

L-ISFIDA

Dawk li l-ħin kollu jisħqu fuq il-ħtieġa li nibdlu l-hekk imsejjaħ mudell li ta tant tkabbir ekonomiku lill-pajjiż, ftit jgħidu x’bidla jridu u kif għandha ssir. Ftit nisimgħu proposti konkreti dwar kif “bidla ta’ mudell” għandha ssir.

Konna u għadna fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku li talanqas mit-tul ta’ kemm ilu, hu bla preċedent. Ħafna mill-ġid li ġġenera mar biex jitma aktar konsum, li ta lok għal aktar tkabbir tal-istess tip. Issa bdejna nħossu l-effetti negattivi fi gżira ċkejkna tat-tkabbir, anke waqt li dan baqa’ għaddej. Kif se jitwaqqfu l-effetti negattivi mingħajr ma jitwaqqaf it-tkabbir? – ħaġa li bla dubju, ħadd ma jrid. F’demokrazija, mhux faċli twieġeb għal din l-isfida.

WEGĦDI

Ftit hemm x’iżżid ma’ x’intqal dwar ir-riżultati drammatiċi tal-elezzjonijiet Amerikani għall-Kungress, il-“midterms”. Fost l-Amerikani nfushom, is-sodisfazzjon ta’ miljuni għat-taptipa li qala’ l-President Trump kien enormi, b’numru sostanzjali li sa ftit taż-żmien ilu, kienu favurih b’mod fanatku.

X’marlu żmerċ? Ikun żball tassumi li kull ma hu ppropona kien “ħażin”. Pereżempju, l-għan tiegħu li jerġa’ jagħti l-ħajja lill-manifattura bażika fl-Istati Uniti kien u għadu jagħmel ħafna sens għal dak il-pajjiż. L-istess jista’ jingħad għall-ġlieda kontra d-droga li saħaq fuqha. U l-impenn biex tiġi kontrollata l-immigrazzjoni riditu maġġoranza kbira fil-pajjiż.

Se jintqal li l-problema kienet li dawn l-għanijiet twettqu ħażin: punt validu. Argument validu ieħor hu li Trump iddiżappunta bil-kbir għax dak li wiegħed ma wettqux: ma żammx lill-Istati Uniti barra mill-gwerra – u minflok rażżan l-għoli tal-ħajja, kebbsu.       

Ritratt: Joseph Macklin

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here