Friday, November 27, 2026
Home Bloggers INĦAWI GĦAN-NEGOZJU

INĦAWI GĦAN-NEGOZJU

0
36

Minn mindu pajjiżna telaq għal għonq it-triq li jsib ħidmiet ekonomiċi mhux marbuta aktar mal-preżenza fostna ta’ bażi militari, daħlet il-prattika li jinbnew u jinfetħu f’inħawi differenti, oqsma dedikati għall-produzzjoni u n-negozju. Bdiet il-Marsa fil-qasam industrijali t’hemmhekk u wara ġiet segwita fiż-Żejtun, San Ġwann, Kordin u x-Xewkija, Għawdex fost oħrajn.

Fl-aħħar snin, daħal il-mudell li bih jinħolqu żoni fejn jinġabru negozji tal-istess tip li f’rifless ta’ kif żviluppat l-ekonomija, huma attivi l-aktar fil-qasam tas-servizzi. Dawn l-hekk imsejħa “business districts” – b’kuntrast mal-oqsma industrijali ta’ qabel – huma proġetti privati, mhux publiċi. Imma l-kalkolu hu l-istess: Meta jinġabru fl-istess naħa, in-negozji jiġġeneraw ekonomiji ta’ spiża fl-operat tagħhom u rankatura li mhux bilfors jakkwistaw jekk ikunu mibnija u ssettjati “għal rashom”.

Sa fejn naf jien, ħadd għadu ma tkellem kontra dil-loġika.

GĦAŻLIET 

Ħaġa tiftiehem li l-baġit Ewropew li għadu qed jinħema, iqanqal diżgwid bejn l-istati membri. Il-mexxejja Ewropej donnhom qed jipprovaw ifasslu ċirku li jkun ukoll kwadru. Hemm wisq għanijiet, kollha leġittimi, li qed jikkompetu ma’ xulxin waqt li ma jistgħux kollha jiġu sodisfatti jekk ir-regoli ta’ tmexxija tal-Unjoni se jinżammu sħaħ.

Bejn sostenn lill-biedja, lill-kawżi soċjali, lir-reġjuni – ħidma kontra l-immigrazzjoni llegali – ħidma biex l-ekonomija Ewropea ssir aktar kompetittiva u miftuħa lejn is-setturi tal-kumnikazzjoni elettronika u l-intelliġenza artifiċjali, b’dak kollu li dawn is-settui jġibu magħhom – appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna – ħidma kontra t-tisħin tal-klima… kif se jitqassmu l-fondi li se jkunu disponibbli? Jew il-fondi jistgħu jiżdiedu billi jiddaħħlu taxxi “Ewropej” ġodda (li mhux kulħadd irid, fosthom Malta) jew billi l-Unjoni tiddejjen (f’ċaħda tar-regoli bażiċi tagħha)?

Interessanti tara kif fl-aħħar se jinstabu l-kompromessi… jekk se jinstabu…

L-AMERIKANI

Minħabba l-fatt li huma ċittadini ta’ pajjiż kontinentali bil-fama ta’ Superpotenza li jġib ruħu bħala potenza imperjali, l-Amerikani ta’ spiss jispiċċaw jitqiesu bħala nies li aħjar twarrbilhom u twarrabhom. Mentri mhux hekk, kif naf mill-esperjenza.

L-isbaħ ħaġa (lili l-aktar personalment li taffaxxinani) hi l-varjetà mill-aktar wiesgħa ta’ personalitajiet li ssib fl-Istati Uniti. Mill-aktar sofistikati għall-aktar goffi. Mill-aktar studjużi għall-aktar raffi. Mill-aktar ġentili għall-aktar slavaġ f’kif iqisu lil ħaddieħor. U ħafna aktar estremi ta’ attitudni u drawwiet bil-varjazzjonijiet kollha li jistgħu jeżistu fil-firxa minn estrem għall-ieħor.

It-tendenza tiegħi minn dan kollu hi li niftakar l-aktar il-kwalitajiet sbieħ li tiltaqa’ magħhom fost l-Amerikani – il-ġenerożità, l-interess ġenwin fl-aspirazzjonijiet ta’ ħaddieħor, ir-rieda biex ikunu ta’ għajnuna jekk jarawk f’diffikultà. Niftakar l-aktar fihom forsi għax rajthom mill-qrib. Kienu żminijiet oħra? M’inix konvint…

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here