Ilha l-kelma dwar kif hemm bżonn ta’ aktar teknokratiċi fil-gvernijiet tal-lum ħalli jdaħħlu effiċjenza ċara f’kif titmexxa l-politika mingħajr ma naqaw fil-populiżmu. Ftit taż-żmien ilu, xi ħadd qalli kif fil-korsijiet tal-politika fl-Università ta’ Malta, dit-tip ta’ idea rabbiet għerq qawwi. Nittama li kien qed jesaġera.
Mhux għax m’hemmx bżonn ta’ realiżmu u ħidma favur l-effiċjenza fil-qasam publiku. Imma li tmexxija teknokratika tfisser politika tajba hi illużjoni. Kemm ili nsegwi l-iżviluppi politiċi, bla dubju ta’ xejn wieħed mill-aqwa teknokratiċi fit-tmexxija politika kien Robert McNamara, is-segretarju Amerikan tad-difiża fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor. It-tmexxija tiegħu tal-gwerra tal-Vjetnam kienet diżastru. Jekk eqreb żminijietna, se nsemmu teknokratiku li ftit impressjona, niftakru fil-President Franciż tal-lum Emmanuel Macron.
Li ma jfissirx lanqas li teknokratiku ma jistax jirnexxi bħala politiku. Il-Prim Ministru Mark Carney tal-Kanada spikka bħala teknokratiku finanzjarju matul snin twal. Illum qed jispikka bħala politiku għax qed jitkellem u jaġixxi b’mod mija fil-mija politiku!
JIKKOPJAW
Kif donnhom jaħdmu n-negozji Maltin ġieli qishom qed isegwu l-logħba li ta’ tfal konna nsejħulha l-Follow my leader “Segwi lil min imexxina”. Malli xi ħadd jiskopri linja ta’ negozju li trendi, malajr ħaddieħor jibda jikkopjaha… Minnufih, oħrajn jidħlu fl-istess qasam. Kif wieħed faċilment jipprevedi, jasal iż-żmien meta l-idea ma tibqax daqstant tajba.
Naraw dan jiġri fl-oqsma tal-kostruzzjoni, tar-ristoranti u l-“fast food”, tas-supermarkets, tas-servizzi finanzjarji, tas-servizzi “tal-impjiegi”… Jista’ jkun li ċ-ċokon tal-ekonomija tagħna jrendi dawn l-iżviluppi inevitabbli. Jiġru f’ekonomiji akbar imma mhux b’mod daqstant ikkargat…
L-ISTINTI TA’ RAĦAL
Ħabib li m’għandux ħajta f’ilsienu meta forsi jmissu jkun aktar diskret, qalli: Il-komunità tagħna l-Maltin baqgħet waħda ta’ raħal, minn dawk primittivi li l-antrolopologi kienu jiddelettaw jiddeskrivu fl-antik. Għax huma maqtugħa mill-bqija tad-dinja, jsegwu regoli etiċi li japplikaw għar-relazzjonijiet ta’ bejniethom, u oħrajn għal kif iqisu lill-individwi barranin. Bejn ir-raħħala, jeżisti sens ta’ soldarjetà u korrettezza. Mentri li ma’ nies minn barra r-raħal, il-moralità tibqa’ aktar laxka. Imbilli tisloħhom u tesplojtahom, ma tkun qed tagħmel xejn ħażin…
Għedtlu: Stenn ftit, bl-internet u l-bqija, kif tista’ tqis il-komunità tagħna bħala waħda iżolata u primittiva?! Weġibni: Bl-internet ġejna agħar. Id-diskors isir aktar spiss u aktar malajr… bejnietna bħala membri tar-raħal, biex nikkonfortaw lil xulxin fis-solidarjetà ta’ bejnietna u kontra dawk li mhumiex mir-raħal. Hu minnu wkoll, kompla b’ċertu dwejjaq, li anke s-solidarjetà u r-rispett fi ħdan il-komunità raħlija tagħna qed jonqsu bil-kbir. Imma dak minħabba d-droga li faret fir-raħal tagħna.
Ħallejtu jgħid.




