Il-Bank of Valletta inawgura r-rinnovar tal-Fergħa u taċ-Ċentru tal-Investiment ta’ Ħal Qormi, li ġew trasformati b’tali mod li jippermettu iżjed spazju għall-privatezza waqt l-appuntamenti, u li joffru aċċessibilità għas-servizzi bankarji u ta’ investiment. Il-binja issa wkoll tinkorpora miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jirrifletti l-impenn tal-Bank li jkompli jinvesti fin-network tal-fergħat flimkien mas-servizzi diġitali.
Waqt ċerimonja ta’ inawgurazzjoni, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia saħaq li “It-trasformazzjoni tal-Fergħa u taċ-Ċentru tal-Investiment tagħna f’Ħal Qormi, jpoġġu lill-klijenti fil-qalba tal-investiment kontinwu tagħna, biex hekk inkomplu ntejbu l-esperjenza ta’ kull min jinqeda minn hawnhekk, filwaqt li nagħtu ambjent tax-xogħol aħjar lill-impjegati tagħna. Dan il-proġett kien ikopri l-ikbar fergħa li għandu l-Bank fin-network tiegħu, u jimmarka pass ieħor importanti fil-proġġett ambizzjuż ta’ rinnovar tal-fergħat tagħna. Dan ukoll jikkumplimenta l-investiment fl-innovazzjoni u fil-ħaddiema.”

Iż-żoni kollha tal-binja f’Ħal Qormi issa huma aċċessibbli għal kulħadd, u inħolqot żona apposta b’entrata separata għall-ATM li tibqa miftuħa 24 siegħa kuljum. Fost il-miżuri sostenibbli, il-fergħa għandha l-panelli tax-xemx fuq il-bejt, ġiet imtejba s-sistema tal-arja kkundizzjonata, ġew installati sistemi ta’ insulazzjoni u ħġieġ doppju, kif ukoll intuża materjal riċiklat f’partijiet li jiddekoraw il-post. Ċifri bbażati fuq mudell ta’ operat, juru li dan il-proġett se jwassal biex il-Bank jiġġenera b’bejn wieħed u ieħor 76 tunellata inqas fi tniġġis u emissjonijiet, meta mqabbel ma’ dak li kien jiġi ġġenerat mill-istess binja qabel ir-rinnovar.
Iċ-Chief Personal and Wealth Officer tal-BOV, Simon Azzopardi żied jgħid li, “L-għan tagħna huwa li nagħtu għażla lill-klijenti dwar kif jużaw is-servizzi bankarji, filwaqt li niżguraw li meta jeħtieġu l-appoġġ tagħna, jsibuh disponibbli meta jkollhom bżonnu. Filwaqt li s-servizzi diġitali qegħdin dejjem iżjed joffru konvenjenza, il-klijenti qegħdin ikomplu japprezzaw l-interazzjoni wiċċ imb’ wiċċ meta jiġu biex jiddiskutu l-ħtiġijiet bankarji u ta’ investiment tagħhom. Dawn il-fergħat rinnovati, qegħdin ikomplu jgħinuna nwasslu servizz personalizzat, f’ambjent privat u modern li jkompli jikkumplimenta l-konvenjenza tas-servizzi diġitali.”
Id-Direttriċi Ingrid Azzopardi kkonkludiet billi qalet li, “L-investiment fil-bini tagħna huwa wkoll investiment fil-komunitajiet li naqdu. F’Ħal Qormi, aċċessibbiltà mtejba u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija jikkumplimentaw spazju rinnovat għas-servizzi bankarji personali u l-pariri dwar l-investiment. Flimkien, dan it-titjib jirrifletti approċċ fit-tul biex nilħqu l-ħtiġijiet tal-klijenti filwaqt li nnaqqsu l-impatt ambjentali tal-operat tal-Bank.”
L-għeluq ta’ dan il-proġett ġie inawgurat mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia u ċ-Chief Personal & Wealth Officer, Simon Azzopardi, fil-preżenza taċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius u d-Direttriċi Mhux Eżekuttiva, Ingrid Azzopardi.
