Omm ta’ erbat itfal li welldet disa’ ġimgħat qabel iż-żmien sabiex tkun tista’ tibda trattament urġenti kontra l-kanċer, ingħatat l-aħbar kerha li x’aktarx ma tibqax ħajja sal-Milied.
Amy Carroll, ta’ 35 sena, instab li kellha kanċer f’moħħha fl-istadju 4 waqt li kienet tqila. Minħabba l-kundizzjoni tagħha, it-tobba ddeċidew li kellha tagħmel ċesarja b’urġenza meta kienet kważi laħqet il-31 ġimgħa tat-tqala.
It-tarbija tagħha ingħatat l-isem ta’ Arlo Atlas Sirus. Fortunatament, it-tarbija tinsab f’saħħitha u diġà tinsab id-dar. Madankollu, erba’ xhur wara t-twelid tagħha, Amy ġiet infurmata li l-kanċer kien infirex aktar f’ġisimha.
Minkejja li bdiet tieħu l-kura, it-tobba tawha l-aħbar kerha li ftit li xejn hemm ċans li tibqa’ ħajja sal-Milied.
Amy, li taħdem bħala support worker u hija residenti f’Great Addington, Northamptonshire fir-Renju Unit.
“Illum għandi 16-il massa f’moħħi, kanċer tas-sider avvanzat fl-istadju erbgħa wkoll u ma hemmx kura għalih u kanċer mifruxa fil-moħħ… Għandi kanċer fl-għadam ukoll” qalet Amy waqt li kienet qed titkellem mal-midja Ingliża.
“Bażikament, il-kanċer jinsab kullimkien. Meta wrewni l-PET scan, kont nista’ nara li kien infirex ma’ ġismi kollu,” kompliet tgħid.
Amy saret taf li kellha kanċer tas-sider fl-2021, wara li għamlet intervent kosmetiku fuq sidirha wara li kienet tredda’. Kien f’dak iż-żmien li nnotat boċċa żgħira li aktar tard irriżultat li kienet kanċer.
Wara d-dijanjosi, kellha tagħmel kimoterapija, radjoterapija u għadd ta’ interventi kirurġiċi, b’kollox tmien operazzjonijiet.
Hija qalet ukoll li wara t-trattament li kienet għamlet għall-kanċer tas-sider fl-2021, kienet ġiet infurmata li qatt ma setgħet ikollha aktar tfal. Għalhekk, iddeskriviet it-tqala u t-twelid ta’ Arlo bħala miraklu.
Minkejja l-mumenti diffiċli li għaddejja minnhom, Amy qed tiffaċċja sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb hekk kif tkompli tiġġieled il-marda, filwaqt li tipprova tqatta’ kemm jista’ jkun ħin mat-tfal tagħha.




