Thursday, November 12, 2026
Home Bloggers X’INHU INVESTIMENT?

X’INHU INVESTIMENT?

0
33

Sirt noqgħod b’seba għajnejn (jew aħjar widnejn) meta nisma’ l-kelma investiment. Intużat wisq b’mod skorrett fl-aħħar snin – kif ktibt kemm-il darba wkoll f’dal-blogg. L-investiment reali jikkonsisti f’fondi li minflok jintefqu fil-konsum, jintużaw biex ivaraw proġetti li għall-ewwel snin tagħhom ma jġibu l-ebda benefiċċju dirett lil min jonfqohom. Meta mbagħad jaslu f’tagħhom, irendu: bħala profitti fi flus jekk ikunu ntefqu fuq proġetti privati “għas-suq”, jew bħala benefiċċji soċjali u oħrajn, li jgawdu minnhom iċ-ċittadini jekk bħala investiment publiku. Tal-aħħar jista’ jkun pereżempju, triq jew sistema ġdida ta’ drenaġġ, li biha s-soċjetà tispiċċa qed tinqeda aħjar u b’effiċjenza akbar. B’mod indirett, dat-tip ta’ investiment publiku jgħin ukoll lill-investmenti privati jirnexxu aktar għax jipprovdu sfond aktar effettiv għall-ħidma tagħhom. 

Ma tantx nifhem ir-retorika li biha ngħidu li qed ninvestu fin-nies: sakemm ma nkunux qed naħsbu ngħidu aħna, fil-bini ta’ skejjel u tagħmir edukattiv – jew f’faċilitajiet ġodda ta’ saħħa publika. Għax utli kemm jistgħu jkunu utli u mixtieqa, miżuri bħas-superbonus ma jistgħux jitqiesu bħala investiment.

ELEZZJONI SPANJOLA

Il-probabiltà hi kbira li fl-elezzjoni li se tinżamm fi Spanja fl-aħħar tax-xahar, il-partit soċjalista mmexxi minn Pedro Sanchez se jitlef il-gvern. Apparti milli kien diġà qiegħed imajna fil-popolarità, kriżijiet mhux mistennija li nqalgħu donnhom poġġew lis-soċjalisti b’daharhom mal-ħajt. Ġrat l-invażjoni tal-immigranti fit-territorju Afrikan ta’ Spanja, Ceuta. Qamu dimostrazzjonijiet kbar popolari dwar il-piżijiet finanzjarji dejjem jiżdiedu tal-akkomodazzjoni. U għat-tieni darba f’temp ta’ ftit xhur, seħħet diżgrazzja tal-waħx fis-sistema ta’ trennijiet ultra-moderni li Spanja kienet tant tiftaħar bihom. Dan apparti mill-għajdut ta’ skandli fost uħud mill-protagonisti soċjalisti.

Jekk it-tbassir iseħħ, Malta tispiċċa l-uniku pajjiż minn fost il-membri Mediterraneji tal-Unjoni Ewropea li tkun immexxija minn gvern soċjalista.

EROŻJONI

Interessanti ħafna kienet kontribuzzjoni li ta lill-medja tal-GWU il-ħabib tiegħi Noel Farrugia dwar l-erożjoni “naturali” li dejjem tinsab għaddejja fil-kampanja li ddawwarna u fil-binjiet tal-bieraħ u tal-lum fejn ngħixu. Tiġri għax il-gżejjer tagħna ġieli jinħakmu mir-riħ u l-mewġ u l-umdità mielħa. Il-ġebel li nużaw għall-bini u l-għoljiet infushom huma magħmula minn blat li jitfarrak bil-mod. Il-binjiet tagħna jħossu ċ-ċaqliq ikkawżat minn bini ieħor tiela’, mill-fawriet ta’ sħana, mid-dilluvji mhux mistennija… 

Lil hinn minn sempliċi sorvelja geoloġika u mill-ħarsien ambjentali (li t-tnejn jibqgħu meħtieġa), jidhirli li Farrugia qed jemfasiżża l-ħtieġa ta’ sforz kontinwu ta’ monitoraġġ fuq livelli differenti tal-erożjoni li dejjem għaddejja madwarna – ta’ sforz organizzat biex irażżanha. Kważi qatt ma ħsibt f’dan l-aspett tal-problema u b’dal-mod. Naqbel miegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here