Meta fit-22 ta’ dan ix-xahar fl-Istati Uniti jitfakkar it-63 anniversarju mill-assassinju tal-eks President John F. Kennedy, il-familja tal-eks President Amerikan fetħet kawża biex twaqqaf il-bini ta’ ark trijonfali li l-President Donald Trump qed jippjana li jibni fil-kapitali tal-pajjiż.
Disa’ membri tad-dinastija politika Kennedy qed isostnu li l-istruttura, li għandha għoli ta’ 250 pied (76 metru), tfixkel il-veduta tal-qabar ta’ Kennedy, kif ukoll l-oqbra ta’ eluf ta’ veterani midfuna fiċ-Ċmiterju Nazzjonali ta’ Arlington, f’Virginia.
Il-ġimgħa l-oħra, imħallef Amerikan issospenda temporanjament il-bini tal-proġett, ftit wara li ttieħed vot li kien jawtorizza li l-kostruzzjoni tkompli. Fil-fatt, il-ġimgħa l-oħra, il-proġett kiseb l-approvazzjoni min-National Capital Planning Commission.
Il-White House qalet li hija “sfortuna” li xi membri tal-familja Kennedy ingħaqdu f’azzjoni legali kontra ark li huwa maħsub biex jonora lill-eroj Amerikani li huma midfunin fiċ-Ċmiterju ta’ Arlington.
Il-familja Kennedy ressqet l-ilment tagħha f’kawża konġunta mressqa mill-istat ta’ Virginia u Washington DC, bil-għan li twaqqaf il-kostruzzjoni. L-argument huwa li l-arkata, jekk tinbena fid-daħla taċ-ċimiterju, tagħmel ħsara lil veduti li g]andhom sinifikat storiku.
Fost dawk li fetħu l-kawża hemm sebat itfal ta’ Robert u Ethel Kennedy, kif ukoll in-neputi tagħhom, l-eks kungressista Demokratiku Joe Kennedy u Edward Kennedy Jr., iben Ted Kennedy. Fosthom ma jinsabx isem Robert F. Kennedy Jr. – membru tal-kabinett ta’ Donald Trump li jmexxi d-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani.
Permezz ta’ din il-kawża, il-membri tal-familja Kennedy qed jitolbu li jingħataw aċċess li jintervjenu f’żewġ kawżi oħra mressqa minn konservazzjonisti u veterani li qed ifittxu li jwaqqfu l-kostruzzjoni tal-arkata ta’ Trump.
Huma jgħidu li l-bini tal-ark ikun ifisser tmaqdir permanenti tas-siti tad-dfin, u li d-dixxendenti tal-familja Kennedy qatt ma jkunu jistgħu jerġgħu japprezzaw iż-żewġ siti kif dejjem għamlu fil-passat, u kif il-familja Kennedy dejjem xtaqet li jkun.
Il-familja Kennedy qed targumenta li l-istruttura se titfa’ dellijiet b’mod permanenti fuq veduti ta’ sinifikat storiku u tagħmel ħsara lill-oqbra u l-monumenti eżistenti li nbnew fiċ-ċimiterju.
Wieħed mill-ilmenti ewlenin f’din il-kawża hu li n-National Park Service u d-Dipartiment tal-Intern awtorizzaw il-kostruzzjoni tal-ark fil-5 ta’ Novembru 2026, mingħajr ma kisbu l-approvazzjoni meħtieġa mill-Kungress.
L-hekk imsejjaħ “Arc de Trump” huwa wieħed mill-isforzi tal-President Amerikan maħsub biex iħalli marka personali fl-istorja tal-Istati Uniti, ibiddel id-dehra tal-belt kapitali, u wkoll biex ifakkar il-250 anniversarju tal-pajjiż.
Is-sena l-oħra, Donalda Trump kien żied b’mod kontroversjali wkoll ismu mal-faċċata tal-Kennedy Center, istituzzjoni kulturali ewlenija f’Washington DC li ssemmiet b’unur għall-eks President John F Kennedy. Isem Trump baqa’ fuq il-faċċata għal sitt xhur, sakemm dan ġie iddikjarata illegali u tneħħa.




