Esperjenza eċċezzjonali fil-Greċja, suċċess internazzjonali u missjoni li tmur ferm lil hinn mis-sbuħija. Kirstin Zahra Abrook titkellem dwar il-vjaġġ tagħha, il-familja, il-karriera u x-xewqa li tgħin lil dawk fil-bżonn.
Kirstin Zahra Abrook għexet mument li żgur se jibqa’ għal dejjem fil-memorja tagħha meta rrappreżentat lil Malta fuq livell internazzjonali f’Ateni, il-Greċja, u spiċċat inkurunata Mrs Eurasia Petite 2026.
Għal Abrook din kienet esperjenza tassew speċjali, mhux biss minħabba r-rebħ tat-titlu, iżda wkoll għax kienet l-ewwel darba li kellha l-opportunità tirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni barra minn xtutna.
“Kienet esperjenza waħda eċċezzjonali. Kienet l-ewwel darba li qatt intgħażilt biex nirrappreżenta lil Malta barra minn Malta u l-fatt li rbaħt mill-ewwel kien emozzjonanti ħafna. Verament kienet esperjenza tal-ġenn,” qalet Abrook lil dan il-ġurnal.
Wara s-suċċess hemm ħafna xogħol li mhux dejjem ikun jidher fuq il-palk. Kirstin spjegat li l-preparazzjoni tagħha bdiet diversi xhur qabel ma marret il-Greċja.
Hija ngħatat it-titlu tagħha f’Marzu li għadda u minn hemm bdiet taħdem bis-serjetà sabiex tkun tista’ tippreżenta lilha nnifisha u lil Malta bl-aħjar mod possibbli.
Il-preparazzjoni ma kinitx limitata għall-immudellar. Kien hemm xogħol kontinwu fuq il-media soċjali, photo shoots, intervisti u inizjattivi oħra, iżda fuq kollox kien hemm aspett importanti ħafna għaliha, il-ħidma filantropika.
Kirstin kienet involuta fi ġbir ta’ fondi għal W.I.N. Foundation International (Women In Need), organizzazzjoni mwaqqfa minn Dr Tracy Kemble li taħdem favur persuni li jkunu għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli, fosthom abbuż fiżiku u mentali.
Permezz ta’ attività bil-muturi, inġabru €1,000 għall-W.I.N. Foundation International u €500 għal Dar Tgħanniqa t’Omm.
Għal Kirstin, dan huwa parti fundamentali mill-messaġġ li trid twassal. Is-sbuħija m’għandhiex tkun biss dak li jidher minn barra.
“Hija ‘beauty with a purpose’ kif insejħulha bl-Ingliż. Mhux kemm nieħdu ritratti jew kemm nidhru sbieħ, iżda x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-oħrajn,” sostniet.
Hija għandha l-ħsieb li tkompli b’inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi fix-xhur li ġejjin, b’mod partikolari hekk kif tħares lejn impenn internazzjonali ieħor importanti f’Ġunju.
Il-vjaġġ ta’ Kirstin fid-dinja tal-immudellar u l-pageants beda ħafna snin ilu. Fl-aħħar tas-snin disgħin hija kienet diġà bdiet timmudella u kisbet suċċessi fosthom Miss White Christmas u Miss Bayside.
Wara dan il-perjodu waqfet għal xi żmien, filwaqt li ħajjitha ħaditha lejn l-Awstralja fejn marret tgħix.
Meta eventwalment irritornat Malta, reġgħet infetħet il-bieb għall-immudellar.
Hija ħadet sehem f’Miss Malta permezz ta’ Gaffiero Productions, fejn kisbet it-tieni post u t-titlu ta’ Mrs Mediterranean. Aktar tard kompliet b’esperjenzi oħra, fosthom Mrs Beauty of Malta, filwaqt li l-ħidma tagħha fil-komunità kompliet tikber.
Fost l-inizjattivi li ħadet sehem fihom kien hemm ġbir ta’ madwar €2,200 għall-Hospice, filwaqt li pparteċipat ukoll fil-fashion show ta’ Carlos Scerri.
Dawn l-esperjenzi kollha għenuha tasal għall-pass li jmiss, li tirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali u tikseb it-titlu Mrs Eurasia Petite 2026.
Lil hinn mill-palk, Kirstin hija wkoll omm ta’ tifla ta’ tmien snin, Kasey, u tmexxi n-negozju tagħha stess.
Hija għandha klinika u l-fatt li taħdem għaliha nnifisha jgħinha torganizza aħjar il-ħin tagħha, għalkemm tammetti li mhux dejjem ikun faċli tlaħħaq ma’ kollox.
“Jien il-kap tiegħi nnifsi u għalhekk nipprova nqassam kollox. Trid tlaħħaq ma’ kollox ġurnata b’ġurnata,” spjegat.
F’dan il-vjaġġ kellha wkoll l-appoġġ importanti tal-familja tagħha, b’mod partikolari ta’ żewġha Conrad u bintha Kasey, li kienu parti essenzjali mill-esperjenza tagħha.
Aspett li Kirstin tenfasizza ħafna huwa dak tal-ħbiberija. Għaliha, kompetizzjoni bħal din m’għandhiex tkun sempliċiment dwar min jirbaħ u min jitlef.
Il-ħbiberiji, l-appoġġ u r-rispett bejn il-kontestanti huma parti importanti ħafna mill-esperjenza.
F’dan ir-rigward hija semmiet b’mod partikolari lil Hayley Fenech Ghiller, li ddeskrivietha bħala persuna li wriet ħbiberija, qalb tajba u spirtu ġenwin matul din l-avventura.
Kirstin irringrazzjat ukoll lil Hannelie Van Wyk, direttriċi nazzjonali, għall-gwida tagħha, lil Dr Tracy Kemble, il-fundatriċi tal-W.I.N. Foundation International, għall-ħidma tagħha favur in-nisa li għandhom bżonn l-għajnuna kif ukoll lil Mharv’z Napoles, li huwa l-catwalk instructor tagħha.
Meta mistoqsija fejn tara lilha nnifisha fi żmien ħames jew għaxar snin, Kirstin ma teskludix li tibqa’ involuta fid-dinja tal-immudellar.
Fil-fatt, tittama li fil-futur ikun hemm aktar kategoriji li jagħtu opportunità lin-nisa ta’ etajiet differenti biex ikomplu jikkompetu u jwasslu l-messaġġ tagħhom.
Għaliha, l-età, it-tul jew il-forma tal-ġisem m’għandhomx ikunu ostaklu.
Il-messaġġ tagħha lin-nisa u t-tfajliet huwa wieħed ċar: tibżgħux tippruvaw.
“Ma jimpurtax l-età tiegħek, kemm int twila jew jekk għandekx il-ġisem perfett. Kulħadd jista’ jieħu sehem. Mhux biss id-dehra tgħodd, iżda dak li inti kapaċi tagħmel għas-soċjetà tiegħek.”
Issa Kirstin tħares lejn sfidi ġodda, fosthom l-opportunità li tikkompeti ma’ nisa minn madwar id-dinja f’Mrs Globe, filwaqt li tkompli bil-ħidma tagħha ta’ ġbir ta’ fondi u l-appoġġ lejn inizjattivi soċjali.
Għal Kirstin Zahra Abrook, għalhekk, il-kuruna ta’ Mrs Eurasia Petite 2026 mhijiex biss simbolu ta’ rebħa.
Hija pjattaforma.
Pjattaforma biex tgħin, biex tagħti kuraġġ, biex turi li s-sbuħija għandha wkoll skop u biex tfakkar lil kull mara li qatt mhu tard wisq biex terġa’ tibda, tipprova xi ħaġa ġdida u temmen fil-potenzjal tagħha.
