Thursday, November 12, 2026
Home Fehmietna Lejn Strateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema

Lejn Strateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema

0
37

Ftit tal-jiem ilu, il-Gvern nieda konsultazzjoni oħra, din id-darba dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol biex għall-ewwel darba, pajjiżna jkollu strateġija nazzjonali dwar dan is-settur għall-perjodu 2027-2031. L-istrateġija mfassla għandha l-għan li tistabbilixxi l-prijoritajiet u d-direzzjoni tal-ħidma nazzjonali f’dan il-qasam għall-ħames snin li ġejjin b’enfasi fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-adattament għall-isfidi ġodda fid-dinja tax-xogħol. 

Din l-inizjattiva jistħoqqilha kull tifħir għaliex tirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema. Din ukoll tixhed l-impenn tal-gvern li jtejjeb dan il-qasam hekk kruċjali. Kif stqarr il-Ministru Jonathan Attard, permezz tal-konsultazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-istakeholders kollha, il-Gvern se jkun qed iwettaq l-impenn elettorali b’risq il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

Mhux darba li aħna enfasizzajna fuq il-fatt li għandu jiġi żgurat li jsir taħriġ adegwat u regolari lill-impjegati dwar prattiċi ta’ xogħol bla periklu kif ukoll dwar x’għandu jsir biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ postijiet tax-xogħol li qed jevolvu. Dan nemmnu fih għaliex jekk ma jsirx hekk, ħafna mill-isforzi ġenwini li tista tinkorpora fiha l-istrateġija nazzjonali jistgħu jisfumaw fix-xejn.

Nifhmu wkoll il-ħtieġa li jibqgħu jsiru spezzjonijiet regolari f’postijiet tax-xogħol f’Malta u Għawdex mill-uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà sabiex ikun assigurat li r-regoli jkunu mħarsa dejjem u kif suppost.

Filwaqt li l-obbligu ta’ ambjent ħieles mill-perikli fuq il-post tax-xogħol jaqa’ fuq spallejn min iħaddem, b’danakollu l-ħaddiem m’għandux joqgħod b’idu fuq żaqqu imma huwa wkoll għandu jara kif jitbiegħed mill-perikli li jista’ jiffaċċja għal ħajtu u saħħtu fil-post tax-xogħol tiegħu. 

Huwa fatt li pajjiżna għaddej minn bidliet demografiċi u dan il-fatt jista’ jkollu impatt fuq kif ikun iffurmat is-suq tax-xogħol tal-ġejjieni. Għalhekk bla dubju, ninsabu kunfidenti li dan il-fatt se jkun innotat ukoll fl-istrateġija nazzjonali.

Għandna nħarsu wkoll lejn din l-istrateġija bħala pass importanti’l quddiem fejn is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jibqgħu prijorità nazzjonali. B’aktar għarfien, taħriġ, prevenzjoni u kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha, nistgħu nkomplu nibnu ambjent tax-xogħol sigur u sostenibbli.

Fuq kollox, dan għandu jkun l-għan komuni, illi kull ħaddiem f’Malta u Għawdex ikun jista’ jwettaq xogħolu b’serħan il-moħħ, b’dinjità u b’garanzija akbar ta’ protezzjoni għal saħħtu u ħajtu. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here