Thursday, November 12, 2026
Home Opinjoni Kull kelma fiha piż, u l-integrità titkejjel ukoll minn dak li wieħed...

Kull kelma fiha piż, u l-integrità titkejjel ukoll minn dak li wieħed jagħżel li ma jgħidx

Minn Andre Buhagiar

0
35

Fil-ħajja pubblika u politika, il-kliem qatt mhu sempliċement kliem. Kull kelma għandha l-piż tagħha, kull stqarrija tħalli effett u kull diskors jirrifletti, b’xi mod jew ieħor, il-karattru, il-maturità u s-sens ta’ responsabbiltà ta’ min ikun qed jitkellem.

F’dawn l-aħħar jiem, wara l-frażi li ntqalet ‘F’Għ…. IL-Labour’, wieħed għandu jieqaf u jirrifletti dwar prinċipju li jmur lil hinn minn kull partit jew persuna. Il-politika teħtieġ il-libertà tal-espressjoni, iżda fuq kollox teħtieġ il-prudenza, ir-rispett u l-għarfien tar-responsabbiltà li ġġib magħha kull kelma li tingħad fil-pubbliku.

Li tkun politiku jew inkella bniedem ta’ ċertu professjoni ma jfissirx li wieħed għandu dejjem ikollu l-aħħar kelma. Lanqas ma jfisser li biex iwassal il-messaġġ tiegħu jrid juża kliem iebes, espressjonijiet li jweġġgħu jew kummenti li jistgħu joħolqu firda. Bniedem jista’ jkun dirett mingħajr ma jkun offensiv, sod mingħajr ma jkun arroganti u determinat mingħajr ma jitlef ir-rispett lejn ħaddieħor.

Hemm differenza kbira bejn li wieħed jitkellem b’konvinzjoni u li jitkellem mingħajr ma jqis il-konsegwenzi ta’ kliemu. Id-diskors għandu jkun b’saħħtu fl-argument, mhux fil-ħsara li jista’ jagħmel, għandu jkun mibni fuq ideat, fatti u viżjoni, mhux fuq il-kapaċità li wieħed jipprovoka reazzjoni jew jikseb xi ċapċip għal mument. Hawn tidħol il-kwistjoni tal-integrità.

L-integrità mhijiex biss dak li nagħmlu meta nkunu qed niġu osservati. Hija wkoll il-mod kif naġixxu meta jkollna l-opportunità li ngħidu kollox, iżda nagħżlu li nkunu prudenti. Hija l-kapaċità li wieħed jagħraf li mhux kull ħsieb għandu bilfors isir stqarrija pubblika u mhux kull kelma li tista’ tingħad għandha neċessarjament tingħad.

Xi drabi, il-kobor ta’ persuna jidher proprju fil-kapaċità tagħha li żżomm lura, li tagħraf il-limiti u li tqis id-dinjità tal-oħrajn. Il-prudenza mhijiex dgħufija, mhijiex nuqqas ta’ kuraġġ u lanqas kompromess mal-prinċipji. Għall-kuntrarju, hija turija ta’ kontroll, maturità u responsabbiltà.

Huwa importanti wkoll li nifhmu li li tkun Laburist jew Nazzjonalist mhuwiex diżunur. Li jkollok twemmin politiku, tappoġġja partit jew ikollok viżjoni differenti għal pajjiżek huwa parti naturali minn demokrazija ħajja. Ħadd m’għandu jkun iġġudikat, immaqdar jew imwarrab minħabba l-għażla politika tiegħu.

Daqstant ieħor importanti huwa li nitgħallmu nirrispettaw lil kull persuna, inkluż lil min ma jaqbilx magħna. Ir-rispett ma għandux ikun riżervat biss għal min jaħsibha bħalna. Nistgħu nkunu fuq naħat politiċi differenti, ikollna opinjonijiet differenti u nargumentaw b’passjoni dwar il-futur ta’ pajjiżna, iżda dan qatt m’għandu jnaqqas mir-rispett reċiproku.

Il-fehma ta’ ħaddieħor għandha dritt tinstema’, anke meta ma naqblux magħha. Id-demokrazija ma titlobniex naħsbu lkoll bl-istess mod, iżda titlobna nkunu kapaċi ngħixu flimkien minkejja d-differenzi tagħna. Ma għandniex għalfejn naqblu biex nirrispettaw lil xulxin. Il-kulur politiku jista’ jiddistingwina, iżda qatt m’għandu jifridna bħala nies.

L-integrità ma għandhiex kulur politiku. Hija valur li għandu jkun mistenni minn kull min jagħżel li jservi lill-pubbliku. Il-politika għandha bżonn aktar diskussjoni, aktar ideat u aktar kuraġġ biex jittieħdu deċiżjonijiet iżda għandha bżonn ukoll aktar responsabbiltà fil-mod kif nikkomunikaw. Il-kritika hija parti essenzjali mid-demokrazija, iżda għandha tibqa’ kritika mibnija fuq argumenti u mhux fuq kliem li jnaqqas mid-dinjità tal-persuna.

Il-karattru ma jidhirx biss fil-mumenti ta’ suċċess, iżda wkoll fil-mumenti meta wieħed ikollu jagħżel bejn li jirreaġixxi u li jirrifletti, bejn li jipprovoka u li jirrispetta, bejn li jitkellem u li jagħraf meta jkun aħjar iżomm lura.

Kull kelma fiha piż u l-integrità titkejjel ukoll minn dak li wieħed jagħżel li ma jgħidx għax fl-aħħar mill-aħħar, mhux min jgħid l-aktar għandu bilfors l-akbar messaġġ, iżda min jaf jagħżel kliemu u jerfa’ r-responsabbiltà għalih.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here