Wara kemm-il sena ta’ residenza legali għandu jkollha persuna d-dritt li tagħżel lil min jirrappreżentaha fil-lokalità fejn tgħix? – Dalli

Aqra wkoll

“L-ebda taxxa mingħajr rappreżentanza”. Dan mhu sempliċiment slogan storiku, iżda prinċipju fundamentali tad-demokrazija u tal-ġustizzja politika. Dan ifisser li t-taxxa għandha tkun marbuta mal-kunsens demokratiku. Prinċipju li juri li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkollhom vuċi fit-tfassil tal-politika fiskali. Fil-qalba tiegħu, dan il-prinċipju jgħid li l-poter li jintaxxa ma jistax jinfired mill-poter li jirrappreżenta. U proprju għalhekk, il-kwistjoni mhijiex biss kemm qed titħallas taxxa, iżda wkoll min qed jiddeċiedi, f’isem min, u b’liema mandat. Prinċipju li, f’demokrazija vera, għandu jibqa’ sagrosant. Meta wieħed jitkellem dwar il-priċipju ta’ ‘l-ebda taxxa mingħajr rappreżentanza’, jifhem li l-poplu jew sezzjonijiet tiegħu, m’għandhomx jiġu obbligati jħallsu taxxi jekk ma jkollhomx vuċi jew rappreżentanti li jiddefenduhom fid-deċiżjonijiet tal-gvern. Fi kliem sempliċi: jekk il-gvern irid jiġbor it-taxxi mingħandek, int għandu jkollok ukoll id-dritt li jkollok vuċi fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

“Kont waqqaft kunsill konsultattiv li kien jiġbor flimkien rappreżentanti ta’ komunitajiet differenti li jgħixu f’Malta”

L-eks Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli iddikjarat ma’ IT-TORĊA li “l-mistoqsija jekk persuni minn pajjiżi terzi, li ilhom jgħixu legalment fostna għal perjodu stabbilit għandhomx ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali irridu nħarsu lejha mill-perspettiva li meta persuna tkun ilha snin tgħix f’lokalità, trabbi l-familja hemm u tieħu sehem fil-ħajja tal-komunità, jagħmilx sens li jkollha vuċi fl-għażla tal-kunsill li jieħu deċiżjonijiet dwar il-post fejn tgħix.”

Tenniet li “l-liġi diġà tippermetti li ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea u ċittadini Brittaniċi  jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali.  Meta kont Ministru, kont waqqaft kunsill konsultattiv li kien jiġbor flimkien rappreżentanti ta’ komunitajiet differenti li jgħixu f’Malta. Ridna nisimgħu direttament mingħandhom dwar il-problemi li kienu jiltaqgħu magħhom u nagħtuhom sehem fid-diskussjoni dwar il-politika li kienet taffettwahom. Illum nistgħu nkomplu nibnu fuq dik l-esperjenza. Fost ir-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem hemm diġa proposta biex id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali jingħata skont kemm ilha tgħix Malta l-persuna.”

Enfasizzat li “l-Irlanda u l-Olanda joffru żewġ eżempji. Fl-Irlanda, min jgħix abitwalment fil-pajjiż u jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni jista’ jivvota fl-elezzjonijiet lokali, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza. Fl-Olanda, iċ-ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali wara mill-inqas ħames snin ta’ residenza legali.”

Kompliet tgħid li “irridu nimxu pass pass u nibdew minn mistoqsija konkreta: wara kemm-il sena ta’ residenza legali għandu jkollha persuna d-dritt li tagħżel lil min jirrappreżentaha fil-lokalità fejn tgħix?”

Ta’ min jgħid li l-ġimgħa li għaddiet l-eks Speaker Anġlu Farruga meta mistoqsi minn IT-TORĊA dwar id-dritt ta’ rappreżentanza għal dawn il-persuni qalilna li  “forma ta’ rappreżentanza politika hi impossibbli skont il-liġi elettorali Maltija u Kostituzzjonali ta’ Malta għax trid tkun ċittadin Malti biex ikollok rappreżentanza fil-Parlament. Imma nifhem li hu fatt importanti dak li qed tgħid li ħaddiema minn pajjiżi terzi, li jkunu ilhom hawn snin u ovvjament ikunu qed jikkontribwixxu fil-komunità bit-taxxi li jħallsu u bix-xogħol tagħhom u nifhem li għandu jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni magħhom u mal-organizazzjonijiet fis-sens li hemm il-Kumitat Parlamentari, proprjament hemm tnejn Kumitati Parlamentari li wieħed jista’ ikun hemm konsultazzjoni ma’ dawn il-persuni jew gruppi li jirrappreżentawhom. Hemm il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u Affarijiet Familjari. Hemmhekk naħseb li jkunu diġa qegħdin jagħtu ħafna meta wieħed jisma’,  jikkonsulta u jħejji l-aħjar politika għal dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi”, sostna l-eks Speaker Anġlu Farrugia.

X’inhi s-sitwazzjoni fl-Ewropa?

Fil-Ġermanja, Franza, l-Olanda, l-Isvezja u l-Belġju, hemm moviment u diskussjoni Ewropea favur aktar rappreżentanza politika tal-migranti. Jekk nieħdu l-Olanda naraw li hemmhekk hemm l-aktar eżempju b’saħħtu ta’ rappreżentanza.  L-Olanda għandha fost l-ogħla livelli ta’ MPs b’oriġini barranija. Hemm ukoll partiti li jiffukaw fuq l-ugwaljanza u r-rappreżentanza ta’ komunitajiet etniċi u immigranti. DENK – partit li jiffoka fuq diskriminazzjoni, ugwaljanza u rappreżentanza ta’ komunitajiet ta’ persuni minn pajjiżi terzi.”

L-Iżvezja u d-Danimarka – drittijiet politiċi bbażati fuq ir-residenza

Jekk imbagħad nieħdu l-Iżvezja u d-Danimarka, il-prinċipju li persuna mhux ċittadina jista’ jkollha drittijiet demokratiċi minħabba r-residenza tagħha diġà huwa aċċettat fil-livell lokali u reġjonali. Fl-Iżvezja: residenti barranin jistgħu jivvutaw u jikkontestaw elezzjonijiet lokali u reġjonali wara tliet snin ta’ residenza.

Id-Danimarka: residenti mhux ċittadini jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali u reġjonali wara erba’ snin ta’ residenza kontinwa, suġġett għall-kundizzjonijiet legali.

Il-Belġju – parteċipazzjoni politika wara residenza

Jekk wieħed ikollha jara x’jiġri fil-Belġju isib li ċ-ċittadini terzi jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali wara ħames snin ta’ residenza legali, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jirreġistraw. Għalkemm dan għadu mhux rappreżentanza fil-Parlament federali, huwa eżempju ta’ sistema li jagħraf li residenti mhux ċittadini għandhom interess politiku dirett fil-governanza tal-komunità tagħhom.

Il-Ġermanja u Franza: dibattitu dwar l-esklużjoni politika

F’pajjiżi bħall-Ġermanja u Franza, il-politika hija aktar restrittiva fir-rigward tad-drittijiet elettorali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-Ġermanja, kien hemm inizjattivi biex residenti barranin jingħataw dritt tal-vot fil-livell lokali, iżda l-qafas kostituzzjonali u deċiżjonijiet tal-qrati kienu ostaklu għal dawn il-proposti. Dan id-dibattitu huwa relevanti għax iqajjem il-mistoqsija jekk ir-residenza fit-tul u l-integrazzjoni għandhomx ikunu bażi għal drittijiet politiċi.”

Il-pożizzjoni ta’ diversi organizazzjonijiet

Jekk ikollna naraw x’jgħid il-Migrant Democracy Project tar-Renju Unit, naraw li dan jipproponi drittijiet demokratiċi aktar wiesgħa għall-migranti u residenti skont ir-residenza.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE)

jappoġġjaw l-parteċipazzjoni demokratika tal-migranti u jiddokumenta sistemi fejn residenti mhux ċittadini jistgħu jivvutaw u jikkontestaw elezzjonijiet lokali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport