Libertas Athletics Club jorganizza l-Awards Night 2026 u jiċċelebra kisbiet ġodda għall-klabb:
Libertas Athletics Club iċċelebra l-kisbiet tal-atleti tiegħu waqt iċ-ċerimonja annwali għall-2026 li matulha Charles Cilia rebaħ it-titlu ta’ Atleta tas-Sena wara staġun eċċellenti li matulu stabbilixxa diversi rekords fil-kategorija ta’ aktar minn 60 sena, f’distanzi li jvarjaw mit-800 metru sal-10 kilometri. Fost dawn kien hemm riżultati mill-aqwa għal din il-kategorija, inklużi ħinijiet ta’ 17:44 u 36:07 fit-tlielaq fit-triq fuq distanzi ta’ 5 u 10 kilometri rispettivament.
Is-serata, li saret fin-NemNem Café fi ħdan il-MANI Centre, serviet ukoll biex jiġu rikonoxxuti l-kisbiet u l-impenn ta’ membri oħra tal-klabb. Lee Byrne ngħata l-premju għall-Aħjar Prestazzjonijiet Tekniċi, b’rikonoxximent għall-wirjiet fit-trakka fid-distanzi medji, filwaqt li Michael Camilleri rċieva l-premju bħala l-aktar atleta li pparteċipa u wera progress matul l-istaġun.
Lil hinn mill-għoti tal-premjijiet, l-attività offriet opportunità lill-membri tal-klabb, li dejjem qed jiżdiedu biex jiltaqgħu u jiċċelebraw l-isforzi kollettivi li qed iwasslu għall-iżvilupp tiegħu.
Waqt l-indirizz tiegħu lil dawk preżenti, il-President tal-klabb Gerald Grech tkellem dwar il-ħidma li qed issir biex jissaħħu l-istrutturi ta’ tmexxija u organizzazzjoni tal-Libertas Athletics Club. Huwa semma’ kif il-klabb ġie formalment rikonoxxut bħala organizzazzjoni volontarja kif ukoll l-investiment kontinwu fl-atleti u fil-membri tal-klabb.
Matul l-indirizz tiegħu, Gerald Grech ħabbar li t-tellieqa annwali tal-klabb, ir-Ryan Tonna Libertas Mosta 5K, reċentement kisbet iċ-ċertifikazzjoni tal-korsa mingħand World Athletics. Din il-kisba ssegwi s-suċċess tal-edizzjoni tas-sena li għaddiet, li attirat aktar minn 400 parteċipant u li tirrifletti l-popolarità dejjem tikber ta’ din l-attività. It-tħejjijiet għall-edizzjoni li jmiss diġà bdew, bil-klabb jimmira li jibni fuq il-parteċipazzjoni qawwija u r-rispons pożittiv li kiseb fis-snin preċedenti.
Libertas Athletics Club irringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew għall-attivitajiet tiegħu tul l-istaġun, fosthom l-uffiċjali, l-atleti u l-isponsors tal-klabb.




