Matul l-2027, il-Gvern mistenni li jwaqqaf l-aġenzija responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ Malta in Motion. Dan fid-dawl tal-ħtieġa għal koordinazzjoni kontinwa, sabiex id-diversi inizjattivi ma jiġux żviluppati b’mod iżolat, iżda li jkun hemm direzzjoni komuni li torbothom flimkien.
B’dan il-pass, ikun żgurat ukoll li l-ħidma teknika, l-ippjanar u l-implimentazzjoni jimxu id f’id taħt kappa waħda, filwaqt li tinżamm il-kontinwità meħtieġa biex kull pass li jittieħed jibni fuq dak ta’ qablu u jħejji t-triq għall-fażijiet sussegwenti tal-proġett.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett waqt li kien qed jitkellem fid-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi tal-Budget għall-Ministeru tiegħu.
Il-Ministru Bonett stqarr li Malta in Motion mhuwiex pjan maħsub biss għall-ħames snin li ġejjin, iżda viżjoni fit-tul li għandha l-għan li tbiddel il-mod kif il-poplu jivvjaġġa, anke għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-pjan jipprevedi sistema integrata li tgħaqqad flimkien diversi mezzi ta’ trasport, fosthom il-karozzi tal-linja, il-mixi, iċ-ċikliżmu, il-parkeġġi u s-servizzi tal-vapuri tal-passiġġieri. L-għan huwa li dawn is-servizzi ma jibqgħux jaħdmu b’mod iżolat, iżda jsiru parti minn sistema waħda li taħdem b’mod koordinat u effiċjenti.
Il-Ministru Bonett tenna li l-għan tal-Gvern mhuwiex sempliċiment li joffri aktar servizzi, iżda li joħliq sistema tat-trasport li taħdem aħjar għall-pubbliku.
Huwa żied jispjega li Malta in Motion mhuwiex pjan li se jibda jitwettaq xi darba fil-futur, iżda proġett li l-implimentazzjoni tiegħu diġà bdiet, permezz ta’ ħidma fuq is-servizzi tat-trasport pubbliku, il-konnessjonijiet bil-baħar u ġestjoni aħjar tal-mobbiltà. “Fl-istess waqt qed inħejju l-investimenti u riformi akbar li se jkunu meħtieġa biex din is-sistema tkompli tiżviluppa.”
“Dan il-Budget jagħtina pass ieħor biex nikkonsolidaw Malta in Motion. Jagħtina riżorsi biex imexxu Malta in Motion għall-fażi li jmiss tal-implimentazzjoni tiegħu,” kompla jgħid il-Ministru filwaqt li sostna li l-Gvern mhux qed jippreżenta viżjoni għall-futur, iżda qed jibni wkoll il-kapaċità meħtieġa biex din il-viżjoni ssir realtà.
Wieħed mill-aktar elementi importanti ta’ dan il-pjan huwa l-iżvilupp ta’sistema oħra, ġdida, u aktar effiċjenti ta’ trasport tal-massa. Il-Gvern qiegħed iħares lejn kunċett ta’ rail system b’linja waħda ta’ madwar 24 kilometru li jista’ jgħaqqad sezzjonijiet taħt l-art, oħrajn fil-livell tat-triq u oħrajn elevati.
“L-ambizzjoni tagħna qatt ma kienet li sempliċiment inħabbru metro oħra, imma li jkollha sistema ta’ trasport tal-massa li verament tkun tista’ twettaq u taqdi lill-poplu.
“Diġà bdew l-istudji ġeo tekniċi. Irridu nassiguraw li s-sistema li niżviluppaw tkun waħda li pajjiżna jista’ verament iwettaq u jsostni. Il-Gvern qed ikun trasparenti u onest. Dan hu proġett li qed jiġi studjat u li se jiġi studjat sew,” qal il-Ministru.
Huwa tkellem ukoll dwar is-sistema tat-trasport pubbliku u qal li fl-ewwel nofs tal-2027, il-Gvern qed jippjana li jintroduċi numru ta’ rotot ċirkolari oħra li se jkopru r-Rabat Malta, Pembroke u s-Swieqi kif ukoll il-Kottonera. Qal li wara dawn, hemm pjanata wkoll l-introduzzjoni ta’ rotta ċirkolari fil-Mosta.
Il-Ministru Bonett tenna jgħid li l-Gvern qed iħejji network ġdid ta’ rotot imfassal fuq il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u r-realtajiet ta’ fejn in-nies jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw.
