Il-Futsal Malta Association ħabbret sħubija ġdida mal-Bank of Valletta, li permezz tagħha l-bank se jkollu d-drittijiet tal-isem tat-Trophy tal-Futsal, kemm fil-kompetizzjoni tal-irġiel kif ukoll f’dik tan-nisa, għat-tliet staġuni li ġejjin.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Ernest Agius, Chief Operations Officer, u Manya Vittoria Pisani, Corporate Social Responsibility Manager, f’isem il-Bank of Valletta, flimkien mal-President tal-Futsal Malta Association Nathaniel Jones, il-Viċi President Kurt Bonnici, is-Segretarju Ġenerali Andy Mangion u t-Teżorier Clayton Scicluna.
Il-President tal-Futsal Malta Association, Nathaniel Jones, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li istituzzjoni prestiġjuża u ta’ importanza nazzjonali bħall-Bank of Valletta għażlet li tingħaqad mal-Futsal Malta Association u tagħti l-appoġġ tagħha lil dan l-isport.
Jones saħaq li din is-sħubija hija xhieda tal-importanza dejjem tikber tal-futsal f’Malta, kif ukoll tal-potenzjal li għandu dan l-isport għal futur promettenti.
Dan il-ftehim jirrappreżenta pass importanti ieħor fl-iżvilupp tal-futsal lokali, filwaqt li jkompli jsaħħaħ kemm il-kompetizzjonijiet tal-irġiel kif ukoll dawk tan-nisa.




