INDIS Malta nediet qafas ġdid biex tappoġġja l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi (PV) fiż-żoni industrijali tagħha f’Malta u Għawdex, filwaqt li ssaħħaħ l-impenn tagħha favur is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija aktar nadifa.
Il-qafas il-ġdid jistabbilixxi proċess ċar u strutturat li permezz tiegħu l-inkwilini jistgħu jitolbu approvazzjoni biex jinstallaw sistemi fotovoltajċi fuq il-bjut ta’ proprjetajiet industrijali amministrati minn INDIS Malta. Permezz ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà u proċeduri ta’ approvazzjoni trasparenti, din l-inizjattiva għandha l-għan li tħeġġeġ l-investiment fl-enerġija rinnovabbli, filwaqt li tiżgura ġestjoni responsabbli u s-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastruttura fiż-żoni industrijali.
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal: “Iż-żoni industrijali tagħna għandhom rwol importanti fit-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa. Permezz ta’ dan il-qafas, qed nagħtu lin-negozji triq aktar ċara biex jinvestu fl-enerġija rinnovabbli u jagħmlu użu aħjar mill-bjut tal-binjiet tagħhom. Dan huwa pass prattiku lejn infrastruttura industrijali aktar sostenibbli, li jgħin lill-intrapriżi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom filwaqt li jikkontribwixxu għall-miri ambjentali ta’ Malta.”
Il-qafas japplika kemm għall-inkwilini li joperaw taħt ftehimiet ta’ kiri kif ukoll għal dawk li għandhom proprjetà b’titolu ta’ enfitewsi, u jipprovdi gwida li tirrifletti l-arranġamenti kuntrattwali differenti fiż-żoni industrijali ta’ INDIS. L-istess qafas ikopri diversi tipi ta’ installazzjonijiet, fosthom sistemi maħsuba għall-konsum personali, sistemi li jesportaw l-elettriku lejn il-grid permezz tal-mekkaniżmu tal-Feed-in Tariff, u mudelli hybrid li jgħaqqdu ż-żewġ għażliet.
Bħala parti mill-proċess ta’ approvazzjoni, l-applikanti se jingħataw gwida dwar ir-rekwiżiti tekniċi, id-dokumentazzjoni meħtieġa, il-miżati applikabbli u l-proċeduri ta’ valutazzjoni. Il-qafas jintroduċi wkoll struttura trasparenti ta’ miżati amministrattivi u, fejn japplika, ħlasijiet annwali marbuta mal-użu tal-bjut u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-ħidma usa’ ta’ INDIS Malta biex tippromwovi żvilupp industrijali sostenibbli u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom permezz tal-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli.
Permezz ta’ dan il-qafas strutturat, INDIS qed toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex in-negozji li joperaw fiż-żoni industrijali tagħha jinvestu b’aktar ċertezza fl-enerġija rinnovabbli. Din l-inizjattiva tappoġġja l-miri ambjentali ta’ Malta u tippermetti lill-inkwilini jagħmlu użu aktar effettiv minn teknoloġiji sostenibbli, filwaqt li tiżgura l-ġestjoni responsabbli tal-infrastruttura industrijali.
L-inkwilini interessati li jinstallaw sistema fotovoltajka huma mħeġġa jikkonsultaw it-taqsima ddedikata PV Panels fuq is-sit elettroniku ta’ INDIS, inklużi l-gwida ta’ spjegazzjoni u l-mistoqsijiet frekwenti. It-talbiet formali jistgħu jintbagħtu fuq [email protected], u wara l-applikanti jingħataw gwida dwar il-passi li jmiss fil-proċess.
