Il-BOV jilqa’ lura lill-klijenti fil-fergħa rinnovata ta’ Ħaż-Żebbuġ

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta fetaħ mill-ġdid il-fergħa rinnovata ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Misraħ San Filippu u qed jerġa’ jilqa’ lill-klijenti fil-binja oriġinali minn fejn kienet topera l-fergħa qabel inċident ta’ nirien li kienu ħakmu l-binja f’Diċembru 2024. Wara dan il-każ, il-fergħa kellha tingħalaq u sakemm isiru x-xogħlijiet, il-Bank kien qed jopera minn post temporanju fl-istess lokalità. Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, u ċ-Chief Personal & Wealth Officer Simon Azzopardi inawguraw ir-rinnovar tal-Fergħa fil-preżenza taċ-Chief Operations Officer Ernest Agius u d-Direttrici Anita Mangion.

Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia saħaq fuq l-importanza li l-Bank jibqa’ jinvesti b’mod ugwali sew fis-servizzi diġitali, kif ukoll fil-fergħat u l-punti fiżiċi li minnhom jaqdi lill-klijenti. Huwa qal li “Id-deċiżjoni tagħna li nirrinovaw il-fergħat kienet waħda meqjusa. Dawk il-klijenti li ma jħossuhomx komdi jużaw il-mezzi diġitali, jew li jippreferu jiddiskutu l-ħtiġijiet tagħhom b’mod personali, għandhom jibqgħu jkollhom aċċess għall-impjegati tagħna permezz tan-network estensiv ta’ fergħat tagħna madwar Malta u Għawdex. L-investiment kontinwu tagħna fl-oqsma kollha jirrifletti l-impenn tagħna li ntejbu l-esperjenza tal-klijent.”

Il-klijenti u l-impjegati qed jirritornaw lura f’fergħa iżjed moderna bi spazju għal laqgħat fil-privatezza, u b’aċċessibilità mtejba, li jagħmlu din il-binja iktar minn sempliċiment post minn fejn jiġu provduti s-servizzi finanzjarji. Dan juri l-impenn tal-Bank lejn il-komunità, f’ambjent modern li jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

Simon Azzopardi spjega, “Meta ninvestu fil-fergħat tagħna, inkunu qed ninvestu fir-relazzjonijiet mal-klijenti u nżommu qrib il-komunitajiet tagħna. Qed infasslu n-network tagħna skont il-ħtiġijiet tal-klijenti, billi ngħaqqdu l-konvenjenza tas-servizzi diġitali ma’ gwida personali ta’ fiduċja. Il-fergħa rinnovata tagħna ta’ Ħaż-Żebbuġ toffri aktar privatezza għal diskussjonijiet siewja u ambjent aħjar għall-klijenti u l-kollegi. B’ħidma mill-qrib mal-Fergħa tar-Rabat, maċ-Ċentru tal-Investiment u mal-Home Finance Hub il-ġdid f’Ħal Qormi, it-tim tagħna jqiegħed lill-klijenti f’kuntatt ma’ speċjalisti li jistgħu jappoġġjawhom hekk kif il-ħtiġijiet tagħhom jinbidlu. Dan huwa aktar minn sempliċi rinnovar: huwa mod kif ngħinu lin-nies jagħmlu l-pass finanzjarju li jmiss b’kunfidenza.”

Anita Mangion qalet, “Hekk kif it-teknoloġija qed tbiddel il-mod kif nużaw is-servizzi bankarji, irridu nkomplu nadattaw għall-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna, inħaddnu l-innovazzjoni u nħarsu ’l quddiem, mingħajr ma nitilfu minn quddiem għajnejna r-relazzjonijiet umani, il-fiduċja u s-servizz personali. Sa mit-twaqqif tiegħu, il-Bank bena rabtiet mill-qrib mal-individwi, mal-familji u mal-komunità kummerċjali. Barra minn hekk, dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tal-Bank li jopera b’mod sostenibbli u jagħti l-eżempju. Bit-tlestija ta’ dan ir-rinnovar, huma previsti benefiċċji f’termini ta’ enerġija u emissjonijiet, bi tnaqqis mistenni ta’ 59% fid-domanda għall-enerġija primarja u tnaqqis annwali fl-emissjonijiet operattivi ta’ madwar 47 tunnellata ta’ CO₂e. Dawn huma projezzjonijiet li issa se jiġu evalwati abbażi tal-konsum effettiv waqt li l-fergħa tkun qed topera.”

Dan il-proġett jifforma parti mill-Programm ta’ Rinnovar tal-Fergħat, bil-għan li jinvesti fi spazji moderni, iktar aċċessibbli u effiċjenti għall-klijenti u l-impjegati, filwaqt li jippreserva s-servizz personalizzat u l-preżenza fil-komunità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport