Raġel ta’ 36 sena li allegatament ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu billi kkuntattjaha ripetutament mill-ħabs, tressaq il-Qorti nhar l-Erbgħa, fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Franklin Xerri, minn Ħal Qormi, ġie mixli li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu, li hedded li jwettaq reat permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, li għajjarha u heddidha, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ protezzjoni u ta’ digriet preċedenti ta’ ħelsien mill-arrest.
Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv.
Il-Qorti semgħet kif fis-27 ta’ Ottubru, il-mara għamlet rapport mas-Sezzjoni tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, fejn spjegat li kienet ilha f’relazzjoni ma’ Xerri għal ħames snin. It-tnejn ma għandhomx tfal flimkien.
Il-mara qalet lill-Pulizija li minkejja li kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur tagħha, Xerri, li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija, allegatament kien ilu jċemplilha mill-ħabs minn Frar ta’ din is-sena.
Hija spjegat li kienet qaltlu biex ma jibqax iċemplilha. Madankollu, f’okkażjonijiet meta ma kinitx twieġeb it-telefonati tiegħu, huwa allegatament xorta kien isib mezz kif iħallilha messaġġ.
Sussegwentement, Xerri ġie arrestat minn ġewwa l-ħabs stess u ma wieġeb għall-ebda mistoqsija waqt l-interrogazzjoni tiegħu mill-Pulizija.
Fost l-akkużi miġjuba kontrih kien hemm dik li allegatament kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fl-14 ta’ Mejju 2024.
Huwa ġie mixli wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Maġistrat Abigail Critien fl-1 ta’ Settembru 2025, li għadha fis-seħħ sakemm jintemmu l-proċeduri li fir-rigward tagħhom inħarġet.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba tiegħu, inkluż matul dawn il-proċeduri.
Xerri wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih u nżamm taħt arrest preventiv.
L-Ispettur Colin Sheldon mexxa l-prosekuzzjoni.
L-avukat Nicholas Mifsud deher għad-difiża.
Il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil ippresediet is-seduta.
