Il-Kunsill Nazzjonali tal-General Workers’ Union (GWU), wara li ddiskuta u analizza l-miżuri mħabbra fil-Budget 2027, iqis dan il-Budget bħala wieħed reżiljenti li jinkludi diversi miżuri pożittivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali, il-ħarsien tal-poter tal-akkwist u l-appoġġ lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u lill-familji.
Madankollu, il-Kunsill Nazzjonali jemmen li għad hemm oqsma li jeħtieġu aktar attenzjoni u interventi konkreti, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema vulnerabbli, it-titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja.
Il-Kunsill Nazzjonali jirrikonoxxi l-importanza li, f’kuntest ta’ sfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi internazzjonali, il-Gvern qed ikompli jagħti prijorità lill-istabbiltà ekonomika u soċjali. Madankollu, jisħaq li l-progress ekonomiku tal-pajjiż għandu jissarraf f’benefiċċji konkreti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Miżuri pożittivi għall-ħaddiema u l-familji
Fost il-miżuri li l-Kunsill Nazzjonali jinnota b’mod pożittiv hemm iż-żieda tal-COLA ta’ €6.41 fil-ġimgħa, iż-żieda ta’ €10.41 fil-paga minima nazzjonali, inkluża l-COLA, il-kontinwazzjoni tal-Mekkaniżmu Addizzjonali tal-COLA, kif ukoll is-Super Bonus, li permezz tiegħu l-benefiċjarji eliġibbli jistgħu jirċievu għotja sa massimu ta’ €1,000.
Il-Kunsill Nazzjonali jilqa’ wkoll il-kontinwazzjoni tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija, li għalihom ġew allokati madwar €400 miljun għall-2027. Dawn jibqgħu strument importanti sabiex tittaffa l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji u tinżamm l-istabbiltà għan-negozji.
Il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol
Minkejja dawn il-miżuri pożittivi, il-Kunsill Nazzjonali jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi strutturali, fosthom l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, it-traffiku, il-pressjonijiet fuq is-servizzi pubbliċi u l-ħtieġa ta’ pagi li jirriflettu aħjar l-ispejjeż reali tal-ħajja.
F’dan il-kuntest, il-Kunsill Nazzjonali jtenni l-importanza tal-proposti mressqa mill-GWU, fosthom l-introduzzjoni tal-Living Income, ir-right to disconnect, il-modernizzazzjoni tal-Wage Regulation Orders (WROs), kif ukoll it-twettiq ta’ proġetti pilota għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 32 siegħa.
Il-Kunsill Nazzjonali jtenni wkoll il-proposta tal-GWU li l-COLA tingħata f’żewġ pagamenti matul is-sena, wieħed f’Ġunju u l-ieħor f’Diċembru, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar maż-żidiet fil-prezzijiet matul is-sena.
Investiment fit-taħriġ u fil-ħiliet tal-ħaddiema
Il-Kunsill Nazzjonali jenfasizza l-importanza tal-investiment fit-taħriġ kontinwu, l-upskilling u r-reskilling tal-ħaddiema, partikolarment fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni u l-iżviluppi fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Iż-żieda fil-produttività għandha tkun akkumpanjata minn titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tal-impjieg, filwaqt li l-ħaddiema għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni ekonomika u diġitali.
Is-settur tas-saħħa – Investiment fl-infrastruttura u fil-ħaddiema
Il-Kunsill Nazzjonali jilqa’ l-investiment imħabbar fl-infrastruttura tas-saħħa, fosthom l-espansjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, il-bini ta’ unit ġdid għas-saħħa mentali, l-investiment fis-servizzi tal-immaġni medika, l-iżviluppi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u r-riġenerazzjoni tal-isptarijiet Karin Grech u San Luqa.
Jilqa’ wkoll il-miżura li permezz tagħha l-Gvern se jkopri l-ispiża ta’ persuna li takkumpanja pazjent adult li jkun qed jirċievi kura barra minn Malta.
Madankollu, il-Kunsill Nazzjonali jisħaq li l-investiment fl-infrastruttura għandu jimxi id f’id ma’ investiment fir-riżorsi umani, permezz ta’ strateġija komprensiva li tindirizza r-reklutaġġ, iż-żamma tal-ħaddiema, it-taħriġ kontinwu, il-pressjoni tax-xogħol u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg.
Huma l-ħaddiema li jagħtu l-ħajja lil dawn il-faċilitajiet u li jiggarantixxu servizz ta’ kwalità lill-pazjenti.
Aktar rikonoxximent għall-eks membri tal-Korpi Dixxiplinati
Il-Kunsill Nazzjonali jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri favur l-eks membri tal-Korpi Dixxiplinati, li permezz tagħhom dawk eliġibbli li mhumiex f’impjieg se jibbenefikaw minn żieda ta’ €520 fil-bonus annwali tagħhom.
Wara diskussjonijiet li saru mit-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi tal-GWU mal-awtoritajiet kompetenti, dawk l-eks membri li għadhom attivi fid-dinja tax-xogħol se jibbenefikaw ukoll minn bonus ta’ €186.68 fl-2027, li se jkun akkumulattiv fis-snin ta’ wara.
Il-Kunsill Nazzjonali jqis dan l-iżvilupp bħala riżultat pożittiv tad-djalogu soċjali u tar-rappreżentanza trejdjunjonistika.
L-anzjani u l-pensjonanti jibqgħu prijorità
Il-Kunsill Nazzjonali jilqa’ l-attenzjoni partikolari li ngħatat lill-anzjani u lill-pensjonanti, fosthom iż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, iż-żieda fid-dħul massimu pensjonabbli għal persuni mwielda qabel l-1962, it-titjib fil-pensjonijiet tar-romol u t-tisħiħ tal-għajnuniet għal dawk li jieħdu ħsieb persuni anzjani fi djarhom.
Fl-istess waqt, jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-anzjanità attiva, fis-servizzi tas-saħħa u l-kura fil-komunità, sabiex il-pensjonanti jkunu jistgħu jgawdu minn ħajja dinjituża, indipendenti u ta’ kwalità.
Għawdex – Investiment, impjiegi u konnettività
Il-Kunsill Nazzjonali jinnota b’mod pożittiv l-allokazzjoni ta’ €141 miljun għal Għawdex, flimkien mal-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-infrastruttura u l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Madankollu, jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex, b’pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.
Il-Kunsill Nazzjonali jqis ukoll li l-espansjoni u t-titjib tal-infrastruttura tal-Port tal-Imġarr għandhom jitqiesu bħala prijorità nazzjonali. Filwaqt li jirrikonoxxi t-twaqqif ta’ Task Force apposta, jinnota li fil-Budget ma tħabbrux impenji konkreti dwar l-espansjoni tal-port jew allokazzjoni ta’ fondi speċifiċi għal dan il-għan.
Għaldaqstant, jappella sabiex dan il-proġett jgħaddi mill-istadju tal-ippjanar għal dak tal-implimentazzjoni, b’impenn ċar dwar il-finanzjament u ż-żmien meħtieġ għat-twettiq tiegħu.
Tħassib dwar il-miżuri li jolqtu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi
Il-Kunsill Nazzjonali jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-miżuri li se jolqtu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs), partikolarment dawk li m’għandhomx status ta’ residenza fit-tul f’Malta.
Fost dawn hemm it-tneħħija tat-trasport pubbliku bla ħlas, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-servizz taċ-childcare bla ħlas u ż-żieda fit-tariffi għall-permessi tax-xogħol u t-tiġdid tagħhom.
Dawn il-miżuri jistgħu joħolqu piż finanzjarju addizzjonali fuq dawn il-ħaddiema, partikolarment dawk bi dħul baxx.
Il-GWU diġà bdiet tagħmel kuntatt ma’ kumpaniji u aġenziji tar-reklutaġġ sabiex jiġu esplorati soluzzjonijiet prattiċi, fosthom il-possibbiltà li dawn jassorbu parti mill-ispejjeż jew l-ispiża kollha.
Il-Kunsill Nazzjonali jħeġġeġ ukoll lil dawn il-ħaddiema jissieħbu fi trejdjunjin tal-għażla tagħhom sabiex ikollhom rappreżentanza effettiva u protezzjoni adegwata tad-drittijiet tagħhom.
Il-Kunsill Nazzjonali jtenni l-prinċipju fundamentali tal-GWU li kull ħaddiem għandu jkun trattat b’dinjità, ġustizzja u rispett, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu.
Aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ
Il-Kunsill Nazzjonali jilqa’ l-miżuri favur iż-żgħażagħ u l-istudenti, fosthom iż-żieda fl-istipendji, l-estensjoni tal-aċċess bla ħlas għall-faċilitajiet tal-gym u l-għajnuna finanzjarja ta’ €280 fix-xahar għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta.
Madankollu, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ta’ dawn il-miżuri, jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni liż-żgħażagħ li diġà daħlu fid-dinja tax-xogħol, partikolarment fir-rigward tal-pagi, il-kundizzjonijiet tal-impjieg, l-opportunitajiet ta’ taħriġ u progress fil-karriera, kif ukoll l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli.
Lejn ekonomija aktar sostenibbli u ġusta
Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tas-sussidji fuq l-enerġija, il-Kunsill Nazzjonali jemmen li hemm bżonn ta’ aktar inċentivi għall-investiment f’sorsi alternattivi ta’ enerġija u għal użu aktar responsabbli u effiċjenti tar-riżorsi.
It-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli għandha tkun waħda ġusta, li tipprovdi lill-ħaddiema t-taħriġ u l-opportunitajiet meħtieġa sabiex huma wkoll jibbenefikaw minn dawn il-bidliet.
L-impenn tal-GWU favur il-ħaddiema
Il-Kunsill Nazzjonali jtenni l-impenn tal-GWU li tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget 2027 u żżomm djalogu kontinwu mal-Gvern, ma’ min iħaddem u mal-imsieħba soċjali.
Il-Kunsill Nazzjonali jisħaq li s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż għandu jitkejjel mhux biss mit-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll mill-mod kif dan it-tkabbir jissarraf f’benefiċċji konkreti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-GWU se tkompli taħdem favur pagi dinjitużi, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, aktar protezzjoni għall-ħaddiema vulnerabbli u kwalità tal-ħajja ogħla. L-għan ewlieni tal-GWU jibqa’ li tinbena ekonomija aktar ġusta, inklużiva, sostenibbli u li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha.
