Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Sostenibbli u t-Turiżmu, Apostolos Tzitzikostas, irrikonoxxa pubblikament il-ħidma ta’ Daniel Attard fit-tfassil tal-ewwel strateġija tal-Unjoni Ewropea għal turiżmu sostenibbli.
Waqt li ppreżenta l-istrateġija lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-Kummissarju faħħar il-ħidma sfiqa tal-Kumitat u b’mod partikolari, tal-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard li kien in-negozjatur ewlieni fuq dan ir-rapport. Huwa kkonferma li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament għenu biex tissawwar l-istrateġija tal-Kummissjoni.
“Smajniekom u ħadna ispirazzjoni mill-ħidma tagħkom,” qal lill-Membri Parlamentari Ewropej.
Dan ir-rikonoxximent jasal wara li, fit-28 ta’ April 2026, il-Parlament Ewropew approva r-rapport ta’ Attard dwar it-turiżmu sostenibbli b’439 vot favur. Bħala rapporteur, Attard mexxa l-ħidma biex il-prijoritajiet tal-Parlament isibu posthom fl-istrateġija tal-Kummissjoni, u ħidmietu ġiet rikonoxxuta ukoll bl-MEP Award għat-Turiżmu Sostenibbli.
Ir-rapport tiegħu talab konnessjonijiet aħjar tat-trasport, appoġġ immirat għall-gżejjer u r-reġjuni periferiċi, u investiment fit-taħriġ u f’impjiegi ta’ kwalità. Saħaq ukoll fuq il-ħarsien tal-wirt kulturali u fuq turiżmu li jġib aktar ġid lir-residenti u opportunitajiet f’aktar destinazzjonijiet, matul is-sena kollha.
Għal Malta u Għawdex, dawn il-prijoritajiet jolqtu direttament il-ħajja tan-nies. It-turiżmu u l-ekonomija jiddependu minn konnessjonijiet affidabbli bl-ajru u bil-baħar. Taħriġ aħjar jgħin lill-ħaddiema javvanzaw u lin-negozji jsibu l-ħiliet li jeħtieġu. Il-politika dwar it-turiżmu trid tħares ukoll l-interessi tar-residenti li jħossu l-effetti tiegħu ta’ kuljum.
L-istrateġija tal-Kummissjoni, ippreżentata fl-4 ta’ Novembru, tinkludi Akkademja Ewropea għat-Turiżmu, miżuri għal konnessjonijiet aħjar u vjaġġar aktar faċli, u appoġġ għad-destinazzjonijiet biex jiżviluppaw it-turiżmu matul is-sena kollha. Tipproponi wkoll Netwerk Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fit-Turiżmu, biex is-settur ikun imħejji aħjar meta tinqala’ kriżi.
