Thursday, November 26, 2026
Home Internazzjonali Aktar minn 1,000 każ ta’ suwiċidju fost il-militar Russu

Aktar minn 1,000 każ ta’ suwiċidju fost il-militar Russu

0
43

Aktar minn 1,000 suldat Russu rriżulta li neħħew ħajjithom b’idejhom stess minn mindu r-Russja bdiet l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna. Dan joħroġ minn dejta kunfidenzjali tal-aġenzija statali Russa tal-istatistika, Rosstat, li ġiet analizzata mill-ġurnal The Guardian.

Il-mewt ta’ 885 suldat ieħor fl-Ukrajna jew fil-viċinanza tagħha ġiet irreġistrata bħala riżultat ta’ feriti kkawżati minn armi tan-nar b’intenzjoni mhux determinata – klassifikazzjoni li, skont l-esperti, tista’ taħbi każijiet ta’ suwiċidju, u li ntużat f’diversi każijiet identifikati b’mod indipendenti bħala suwiċidji. Magħduda kollha flimkien, dawn is-suwiċidji jammontaw, bejn wieħed u ieħor, għal riġment sħiħ ta’ suldati Russi mejta.

Id-dejta, li l-analisti jgħidu li kważi ċertament tissottovaluta n-numru veru ta’ suwiċidji, toffri ħarsa rari, li qabel ma kinitx irrappurtata, lejn il-pressjoni fuq il-forzi armati tar-Russja kważi ħames snin wara gwerra fejn it-telf kbir u d-dixxiplina ħarxa kissru l-moral ta’ ħafna suldati.

Is-suwiċidji fost is-suldati huma karatteristika tal-biċċa l-kbira tal-gwerer. Investigazzjoni tan-New York Times sabet li mill-inqas 158 suldat tal-armata Amerikana f’servizz attiv mietu b’suwiċidju fl-2023.

Iżda fl-armata tar-Russja, jgħidu l-analisti, il-problema hija aggravata minn pressjoni intensa minn suldati stess u kmandanti sħabhom, kif ukoll mill-biża’ li jintbagħtu fuq missjonijiet ta’ ġlied estremament perikolużi.

Dawn iċ-ċifri ġejjin minn ġabra ta’ aktar minn 11-il miljun ċertifikat tal-mewt, miksuba mill-grupp ta’ hackers ‘Cyber Partisans’ – li għandu rabtiet mal-oppożizzjoni Belarussa – u l-grupp ta’ hackers Ukreni ‘Silent Crow’. Il-Kremlin ma jippubblikax data dwar suwiċidji fil-militar u jittratta ċ-ċifri tal-imwiet bħala sigriet tal-istat.

Mill-1,087 każ ta’ suwiċidju fost il-militari identifikati mill-gazzetta The Guardian, mill-inqas 885 minnhom seħħew f’żoni okkupati tal-Ukrajna jew f’reġjuni Russi li jmissu magħha, l-aktar f’Belgorod u Bryansk. F’113-il każ ieħor, il-post fejn seħħet il-mewt ma kienx speċifikat.

Aktar minn nofs is-suwiċidji twettqu b’armi tan-nar, partikolarment fost dawk li kienu qrib il-linji ta’ quddiem tal-front. L-imwiet seħħew f’kampijiet militari, pożizzjonijiet tal-ġlied, żoni ta’ taħriġ u djar privati. Minn dawk is-suwiċidji li seħħew fiż-żona tal-gwerra, 43 kienu ta’ suldati żgħażagħ ta’ 18 jew 19-il sena.

Iċ-ċifri jinkludu wkoll 108 raġel taħt il-25 sena li neħħew ħajjithom b’idejhom stess f’postijiet oħra fir-Russja, ’il bogħod mill-front tal-gwerra. Xi wħud minnhom x’aktarx kienu rekluti li ġew imsejħa għas-servizz militari obbligatorju – li formalment ma jintbagħtux jiġġieldu fl-Ukrajna, iżda li spiss ġew imġiegħla jiffirmaw kuntratti li jippermettu li jintbagħtu hemmhekk.

L-għadd ta’ suwiċidji rreġistrati fost il-militar żdied hekk kif il-gwerra għadha għaddejja, minn 50 każ fl-2022 għal aktar minn 200 fl-2024, u laħaq il-quċċata ta’ 365 fl-2025 – xejra li tirrifletti n-numru totali ta’ mwiet fuq in-naħa Russa.

Fl-2026 – minkejja li r-reġistri mhumiex kompluti u ma jirriflettux immedjatament ir-realtà fuq il-kamp tal-battalja, id-database diġà turi kważi 300 suwiċidju. Dan huwa t-tieni l-ogħla total irreġistrat fi kwalunkwe sena tal-gwerra s’issa.

Apparti l-imwiet, sal-aħħar ta’ Mejju 2025, il-qrati militari Russi irċevew 20,662 każijiet kontra suldati talli rrifjutaw li jservu, il-biċċa l-kbira minħabba li abbandunaw il-post tal-battalja mingħajr permess.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here