Missier ġie kkundannat erba’ snin u disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li kien jabbuża minn uliedu, fosthom billi kien isawwathom b’xugaman waqt li kienu jibku.
Is-sentenza ngħatat fil-Qorti tal-Kuruna ta’ Basildon, fl-Ingilterra, fejn ħareġ fid-dettall l-abbuż li kienu qed isofru ż-żewġt itfal.
Filmat tal-pulizija juri l-mument meta l-investigatur DC Scott Cameron ikkonfronta lill-missier f’kamra tal-interrogazzjoni, wara li ntwerewlu filmati li fihom jidher ikompli jsawwat lil wieħed minn uliedu b’xugaman bejn ħames u seba’ darbiet, minkejja li t-tifel kien diġà beda jibki.
F’filmat ieħor li ntwera lill-missier, l-investigatur qallu li mill-filmati jidher li kien qed juża id waħda minn uliedu biex biha jolqot lit-tifel l-ieħor, minkejja li dan tal-aħħar kien diġà qed jibki.
Minkejja l-gravità tal-imġiba tiegħu, il-missier għall-ewwel ipprova jiġġustifika dak li kien qed jagħmel, billi qal lill-pulizija li t-tfal ma kinux qrib ħafna ta’ xulxin sa minn meta kienu żgħar.
Ir-reazzjoni tiegħu ħalliet lill-investigatur sorpriż. DC Cameron qallu li l-filmati kienu ħallew impatt qawwi fuqu, iżda li aktar minn hekk kien ixxukkjat bir-reazzjoni, jew aħjar bin-nuqqas ta’ reazzjoni, tal-missier waqt li kien qed jarahom.
Aktar tard, ir-raġel ammetta l-ħtija fuq żewġ akkużi ta’ moħqrija fuq it-tfal u akkuża waħda ta’ soffokazzjoni intenzjonata.
Fis-seduta li nżammet it-Tnejn 23 ta’ Novembru, l-Imħallef Collery KC iddeskriva l-aġir tiegħu bħala degradazzjoni bla bżonn, li kważi setgħet titqies bħala sadistika.
L-imħallef kompla jgħidlu li kien persuna perikoluża u li kien għadu jippreżenta riskju sostanzjali li fil-futur jikkawża ħsara serja lit-tfal.
Għaldaqstant, il-qorti kkundannatu għal erba’ snin u disa’ xhur priġunerija.
Intant, omm it-tfal, li f’Diċembru tal-2025 marret għand il-pulizija biex tirrapporta l-abbuż, ammettiet ukoll il-ħtija fuq żewġ akkużi ta’ negliġenza fil-konfront ta’ wliedha minħabba d-dewmien tagħha biex tirrapporta dak li kien qed iseħħ.
Hija ngħatat ordni ta’ probation għal sentejn, li tinkludi 150 siegħa xogħol fil-komunità mingħajr ħlas.
Il-pulizija ta’ Essex qalet li l-identità taż-żewġ ġenituri ma tistax tiġi żvelata sabiex tiġi protetta l-identità tat-tfal vittmi tal-abbuż.
DC Courtney White ikkonfermat li ż-żewġt itfal issa jinsabu f’dar sigura, fejn qed jirċievu l-imħabba u l-kura li jistħoqqilhom.




