Wednesday, November 25, 2026
Home Internazzjonali Raġel u l-kelb tiegħu jinġarru mill-mewġ qawwi f’Cannon Beach

Raġel u l-kelb tiegħu jinġarru mill-mewġ qawwi f’Cannon Beach

0
21

Raġel u l-kelb tiegħu spiċċaw inġarru mill-mewġ qawwi f’Cannon Beach, fl-istat ta’ Oregon fl-Istati Uniti, f’inċident li nqabad fuq filmati li qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali.

Il-filmat juri l-mument drammatiku meta mewġa qawwija, magħrufa bħala sneaker wave, ħakmet lir-raġel u lill-kelb tiegħu hekk kif il-baħar kien qed ikun imqalleb minħabba l-fenomenu magħruf bħala King Tides.

Skont l-awtoritajiet, aktar kmieni dakinhar, il-Pulizija kienet diġà waqqfet lir-raġel wara li nstab qed isuq il-vettura tiegħu fuq ix-xatt tal-baħar. Ir-raġel kien qal li xtaq jersaq aktar viċin biex jara l-mewġ.

Il-Pulizija kienet ħarġitlu ċitazzjoni u wissietu biex jevita dik iż-żona minħabba l-kundizzjonijiet perikolużi li kienu qed jeżistu.

Madankollu, ftit sigħat wara, l-istess dipartiment irċieva telefonata li kienet qed tirrapporta li persuna u kelb kienu nġarru mill-mewġ.

Wara l-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-persuna involuta kienet l-istess raġel li kien twaqqaf u mwissi aktar kmieni matul il-ġurnata.

Fortunatament, kemm ir-raġel kif ukoll il-kelb tiegħu rnexxielhom jaslu sa taraġ ieħor li jagħti għax-xatt u joħorġu mill-baħar mingħajr ma sofrew ġrieħi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here