Ir-Reġjun Port organizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu, li matulha saret diskussjoni dwar il-ħidma mwettqa matul l-aħħar perjodu, il-progress miksub u l-isfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-futur.
Il-laqgħa bdiet b’diskors ta’ merħba mis-Sindku tal-Fgura, Clayton Cascun Portelli, segwit minn introduzzjoni mill-President tar-Reġjun Port, il-Kavallier Paul Farrugia.
Matul il-laqgħa ġew diskussi diversi inizjattivi u proġetti li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-ħajja tal-komunitajiet fi ħdan ir-Reġjun Port.
Fost it-temi ewlenin kien hemm studju demografiku li qed jitwettaq b’kollaborazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u r-Reġjun Port. Dan l-istudju għandu l-għan li janalizza l-bidliet demografiċi fil-komunitajiet u jevalwa l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni soċjali u t-tfassil tal-politiki lokali.
Saret ukoll referenza għall-ħidma li bdiet fl-2024 wara t-tnedija tal-Istudju tal-Impatt Soċjali, li serva bħala bażi importanti sabiex l-inizjattivi tar-Reġjun ikunu aktar ibbażati fuq ir-riċerka, l-evidenza u l-ħtiġijiet reali tar-residenti.
Aspett ieħor diskuss kien il-qasam kulturali, b’mod partikolari l-inizjattivi marbuta mal-ħatra tar-Reġjun Port bħala Reġjun tal-Kultura għall-2026. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi qed jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-parteċipazzjoni tal-komunitajiet, filwaqt li qed tingħata aktar importanza lill-identità u l-wirt kulturali tal-lokalitajiet.
Il-laqgħa indirizzat ukoll il-ħidma fuq livell Ewropew u internazzjonali, fejn ir-Reġjun qed ikompli jfittex opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni u skambju ta’ esperjenzi li jistgħu jwasslu għal benefiċċji konkreti għall-komunitajiet lokali.
Matul id-diskussjoni tqajmu wkoll diversi punti dwar kif il-Gvern Lokali jista’ jkompli jissaħħaħ permezz ta’ koordinazzjoni aħjar, aktar riżorsi u kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet involuti.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, ix-Shadow Minister Bernice Bonello, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava.
Preżenti kien hemm ukoll is-sindki tal-lokalitajiet fi ħdan ir-Reġjun Port, il-kunsilliera, is-segretarji eżekuttivi u diversi ħaddiema li taw sehemhom fid-diskussjonijiet.
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali serviet bħala opportunità sabiex jiġi enfasizzat l-impenn tar-Reġjun Port li jkompli jaħdem favur komunitajiet aktar b’saħħithom, inklużivi u qrib ir-residenti.
Il-prinċipju ewlieni jibqa’ li r-residenti għandhom ikunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet, filwaqt li r-riċerka, l-esperjenza u l-kollaborazzjoni jibqgħu elementi essenzjali fit-tfassil ta’ futur aħjar għall-komunitajiet kollha.
