Il-POU titlob li l-lingwa Maltija tkun rikonoxxuta fil-laqgħat tal-EuroCOP

Aqra wkoll

Il-Police Officers Union (POU) ressqet formalment talba lill-EuroCOP sabiex il-lingwa Maltija tkun inkluża u tingħata r-rikonoxximent mistħoqq waqt il-laqgħat tagħha.

F’messaġġ dwar din l-inizjattiva, il-POU saħqet li l-lingwa Maltija mhijiex sempliċement mezz ta’ komunikazzjoni, iżda parti fundamentali mill-identità, il-kultura u l-wirt nazzjonali tagħna.

L-unjin enfasizzat li l-Malti huwa wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu jingħata l-istess rispett u rikonoxximent bħal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni.

Il-POU qalet ukoll li, bl-avvanzi li saru fit-teknoloġija u b’mod partikolari fl-intelliġenza artifiċjali (AI), illum huwa aktar faċli li jsiru traduzzjonijiet b’mod effiċjenti, u dan jista’ jiffaċilita l-użu tal-lingwa Maltija mingħajr il-ħtieġa ta’ interpreti.

L-unjin sostniet li huwa importanti li Malta jkollha l-opportunità tesprimi ruħha bil-lingwa nazzjonali tagħha anke f’laqgħat u fora Ewropej.

Il-POU temmet tgħid li se tkompli taħdem biex Malta u l-lingwa tagħha jingħataw ir-rikonoxximent u r-rispett li jixirqilhom fil-livell Ewropew.

“Lingwa tagħna hija l-identità tagħna,” sostniet l-unjin, filwaqt li esprimiet il-kburija tagħha bil-Malti, lingwa li tagħmel lil pajjiżna uniku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport