Żewġ uffiċjali nisa tal-LESA rċevew apprezzament speċjali għall-mod professjonali u dedikat kif wettqu dmirijiethom waqt xogħol li sar f’Ħal Tarxien fit-23 ta’ Novembru 2026.
Fi stqarrija, il-LESA qalet li rċeviet messaġġ ta’ ringrazzjament dwar is-servizz mogħti minn żewġ uffiċjali tal-Komunità, identifikati bħala CO 953 u CO 985.
Fil-messaġġ mibgħut lill-Aġenzija, persuna esprimiet l-apprezzament sinċier tagħha lejn iż-żewġ uffiċjali, fejn faħħret id-dedikazzjoni, il-professjonalità u l-edukazzjoni li wrew tul il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-persuna qalet li l-attitudni pożittiva tagħhom, l-impenn u l-mod rispettuż kif avviċinaw il-ħidma tagħhom jistħoqqilhom kull rikonoxximent. Hija talbet ukoll li dan l-apprezzament jasal għand iż-żewġ uffiċjali kif ukoll għand is-superjuri tagħhom.
Skont il-messaġġ, l-imġiba taż-żewġ uffiċjali tirrifletti b’mod pożittiv ħafna fuq il-LESA u s-servizz li l-Aġenzija toffri lill-pubbliku.
Il-LESA qalet li messaġġi bħal dawn jimlewha b’kburija u jikkonfermaw l-impenn, id-dedikazzjoni u l-professjonalità li l-uffiċjali tagħha juru ta’ kuljum fil-qadi ta’ dmirijiethom u fis-servizz lejn il-komunità.
L-Aġenzija temmet billi rringrazzjat liż-żewġ uffiċjali, CO 953 u CO 985, talli rrappreżentaw il-valuri tal-LESA b’mod eċċellenti.
