L-eks player internazzjonali Taljan, Fabrizio Ravanelli, jinsab involut f’tilwima legali mal-awtoritajiet tat-taxxa Ingliżi dwar £340,000 li huma marbuta mal-qligħ tiegħu mill-karriera tal-football aktar minn 20 sena ilu.
L-eks attakkant ta’ Middlesbrough u Derby County qed jipprova jirkupra l-flus, li jgħid li tnaqqsu b’mod żbaljat bħala kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni nazzjonali minn fondi miżmuma fi trust għall-benefiċċju tal-impjegati.
Derby County kienu ħallsu madwar £1 miljun fit-trust bejn l-2002 u l-2006. Il-flus imbagħad żdiedu permezz ta’ investimenti għal aktar minn £2.1 miljun sal-2021, meta t-trustees organizzaw id-distribuzzjoni tagħhom.
Bħala parti minn ftehim mal-awtoritajiet tat-taxxa, madwar £1.28 miljun tħallsu lill-HMRC, filwaqt li l-bqija ngħata lil Ravanelli.
Ravanelli jsostni li l-kontribuzzjonijiet kienu responsabbiltà tal-eks club tiegħu, Derby County, li sadanittant ġie xolt, u qed jitlob li l-£340,000 jiġu rrifundati. L-HMRC, iżda, qed tikkontesta l-argument tiegħu, filwaqt li l-imħallef irriżerva d-deċiżjoni tiegħu wara seduta ta’ jumejn.




