Iwieġeb mhux ħati li wettaq serqa minn garaxx f’Marsalforn

Aqra wkoll

Raġel tressaq arrestat quddiem il-Maġistrat Monica Vella, fejn ġie akkużat li wettaq serqa minn garaxx f’Marsalforn li minnu jinbiegħu oġġetti antiki.

Edward Scerri, ta’ 50 sena u residenti Birkirkara, wieġeb mhux ħati li fit-22 ta’ Ottubru wettaq serqa, allegatament flimkien ma’ ħuh.

L-Ispettur Keith Xerri spjega li fit-22 ta’ Ottubru li għadda kien sar rapport dwar serqa minn garaxx li jbigħ oġġetti antiki.

Spjega li hekk kif bdiet l-investigazzjoni, il-Pulizija mill-ewwel ġabret filmati minn kameras tas-sigurtà li jinsabu fl-inħawi. L-Ispettur Xerri qal li minn dawn il-filmati l-investigaturi setgħu jinnotaw karozza ħamra tal-għamla Fiat Punto tieqaf quddiem il-garaxx, li minnha niżlu żewġt irġiel.

Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li l-istess karozza kienet waslet min-naħa tax-Xwejni. Hekk kif il-Pulizija kompliet tanalizza l-movimenti tal-karozza, ġie nnutat li l-persuni li allegatament wettqu s-serqa kienu ħarġu minn binja ta’ appartamenti.

L-Ispettur qal quddiem il-Qorti ta’ Għawdex li l-Pulizija kienet taf li f’dik il-binja kien joqgħod Johan Scerri, ta’ 46 sena, li huwa magħruf mal-Pulizija.

Kien hawn li l-Pulizija kompliet tanalizza l-filmati tal-kameras tas-sigurtà, fejn Johan Scerri allegatament deher fihom.

Il-Pulizija talbet mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Johan, li wara li ġie arrestat tressaq il-Qorti fit-13 ta’ Novembru li għadda. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża, immexxija mill-Avukat Nicholas Mifsud, talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti, u Johan baqa’ jinżamm arrestat.

L-Ispettur kompla jispjega li minn analiżi li saret fuq il-mowbajl ta’ Johan irriżulta li dakinhar tal-każ huwa kien f’kuntatt ma’ ħuh Edward. Minn aktar analiżi sar magħruf li l-karozza li allegatament intużat fis-serqa kienet ta’ Edward. Ġie stabbilit ukoll li dakinhar Edward kien jinsab Marsalforn.

Kien hawn li ntalab mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Edward ġie arrestat u tressaq il-Qorti.

Id-difiża, immexxija mill-avukata tal-għajnuna legali Dr Marsette Portelli Xerri, talbet għall-ħelsien mill-arrest, u l-Qorti laqgħet it-talba.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri, flimkien ma’ Dr Marcea Fenech f’isem l-Avukat Ġenerali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport