Il-kejl tas-suċċess ta’ kwalunkwe proġett jistrieħ fuq kemm dan jiġi milqugħ b’mod tajjeb u pożittiv min-nies. Il-valur ta’ dawn kollha jiġi ġġudikat ukoll b’kemm jilħqu l-għanijiet li għalihom ikunu ġew investiti l-fondi.
Dan il-prinċipju tista’ tgħid japplika għal kull għamla jew xeħta ta’ proġett, kemm jekk hux wieħed ta’ ġeneru ġdid jew inkella hux ta’ restawr ta’ xi ħaġa li tkun diġà teżisti. Dan fejn jidħlu proġetti tanġibbli, iżda dan mhux kollox. Hemm oqsma oħra ta’ natura kulturali.
F’pajjiżna hawn diversi siti kulturali, bħalma huma l-mużewijiet, li minn żmien għal żmien, jiġu ppubblikati ċifri ta’ kemm nies – turisti u mhumiex – ikunu żaruhom. Dan il-proċess, parti minnu jservi wkoll biex jindika kemm il-Maltin huma kburin bil-wirt kultura u storiku ta’ dawn il-gżejjer u kemm huma lesti jżuru dawn is-siti.
Fl-isfond ta’ dan kollu, ħadd minna ma jista’ jaħrab jew jabdika r-responsabbiltà li lkoll għandna biex nibżgħu għal u nipproteġu is-siti storiċi u kulturali li jiddistingwuna minn ġnus oħra. Għax dawn minnhom infihom jirrappreżentaw l-identità tagħna bħala Maltin, ġens sovran u ħieles.
F’pajjiżna għandna biex niftaħru wkoll bit-talent lokali tagħna. Biżżejjed insemmgħu attività waħda biss – dik tan-Notte Bianca – li minn sena għall-oħra tiġbed eluf kbar ta’ nies għal attivitajiet ta’ kull xorta li jsiru fil-Belt Kapitali tagħna.
Issa wkoll, u bl-ikbar unur għal pajjiżna, wara li l-Belt Valletta kienet dikjarata il-belt kulturali Ewropea fl-2018, hemm ukoll il-konferma li l-Belt Victoria f’Għawdex se tkun il-kapitali kulturali Ewropea fl-2031. Daqstant huwa onorat u apprezzat il-wirt kulturali li huwa mogħni bih pajjiżna.
Illum nistgħu ngħidu li l-kalendarju kulturali f’pajjiżna huwa mifrux sew matul is-sena kollha. Ma rridux ninsew ukoll is-sehem importanti tal-artisti lokali fid-diversi attivitajiet li jittellgħu. Għalhekk, għandna għalfejn inkunu kburin bl-investiment li qed isir fis-settur kulturali, investiment li jkompli jagħti spazju lit-talent Malti, isaħħaħ il-kreattività u jgħin biex il-wirt kulturali tagħna jibqa’ ħaj għall-ġenerazzjonijiet futuri.




