Għal darba oħra lbieraħ rajna protesti kbar fit-toroq ta’ għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Portugal, Spanja, Franza, Żvizzera, Brussels, Greċja, Italja, Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Irlanda fost oħrajn. Protesti li fihom qiegħda tispikka l-vjolenza. Qegħdin naraw it-tensjoni mal-forzi tal-ordni. Protesti li qegħdin isiru għal raġunijiet diversi. Fost ir-raġunijiet hemm tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja. Ma’ dan hemm l-għoli tal-ħajja li qiegħda tifni sezzjonijiet sħaħ tal-popli. U ma’ dan hemm il-kwistjoni marbuta ma’ pjani ta’ gvernijiet li jridu jżidu u jkabbru l-armati tagħhom. Dan filmkien ma’ infieq bla preċedent għal armamenti ġodda u spiża dejjem tikber f’għajnuniet għall-Ukrajna biex tkompli ttawwal il-gwerra. Ma’ dawn imbagħad għandek il-kwistjonijiet marbutin mal-pagi u kif dawn mhux ilaħħqu mal-mod kif qiegħda togħla l-ħajja. Sitwazzjoni li ilha għaddejja imma issa jidher li l-popli f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, xebgħu. Tilfu l-paċenzja. Niżlu fit-toroq. Mhux darba, imma ilhom ġimgħat għaddejjin. U ma jidhirx li se jieqfu.
U dan wassal biex issa ġejna f’mument mument meta dawn il-popli qed iħossu li waslu f’salib it-toroq. Jew naħa jew oħra. Jew jibqgħu siktin quddiem dak li qed jiġri madwarhom jew inkella joħorġu fit-toroq biex isemmgħu leħinhom. Illum hu ċar li f’diversi bliet Ewropej, eluf ta’ ċittadini qed jagħżlu t-tieni triq. Dik li jinżlu fit-toroq u jagħmlu it-talbiet tagħhom. Inkluż li l-gvernijiet iwarrbu. U dan isir għax il-gvernijiet spiċċaw ingħalqu f’fortizza. Jiddikjaraw li ħadd m’għandu raġun għajr huma. Isiru protesti kemm isiru protesti jibqgħu jiċħdu li l-poplu għandu raġun.
Din il-mewġa ġdida ta’ protesti f’għadd kbir ta’ pajjiżi Ewropej m’għandniex inħarsu lejha bħala sempliċi manifestazzjonijiet ta’ rabja. Il-protesti li saru fl-20 ta’ Novembru f’aktar minn 25 pajjiż Ewropew, minn Franza sal-Italja, mill-Ġermanja sal-Kroazja, qed jikxfu realtà li l-mexxejja politiċi ma jistgħux jibqgħu jinjoraw.
Il-messaġġ huwa wieħed ċar: in-nies huma għajjenin iħallsu dejjem aktar, filwaqt li jsibuha dejjem aktar diffiċli biex jgħixu ħajja diċenti. Il-prezzijiet tal-ikel, tal-enerġija, tal-kirjiet u tas-servizzi bażiċi qed jagħfsu fuq il-familji. Il-pagi mhux dejjem ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, iż-żgħażagħ qed jiffaċċjaw futur inċert, u s-servizzi pubbliċi qed isibu ruħhom taħt pressjoni kbira.
Fl-Italja, għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema u studenti ħarġu jipprotestaw f’aktar minn mitt belt, jitolbu pagi aħjar u aktar investiment fis-saħħa u fl-edukazzjoni. Għamlu anke strajk ġenerali li pparalizza l-pajjiż. Fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fil-Kroazja, iż-żgħażagħ qed jitolbu li l-edukazzjoni u l-futur tagħhom jingħataw prijorità. Fi Franza, il-protesti komplew jiġbdu eluf ta’ nies fit-toroq.
U hawn tinsab il-mistoqsija li kull gvern Ewropew għandu jistaqsi lilu nnifsu: kif jista’ pajjiż jitkellem dwar prosperità meta tant ċittadini qed iħossu li mhux qed jibqgħalhom biżżejjed biex jgħixu?
Mhux biżżejjed li l-gvernijiet joħorġu stqarrijiet, jorganizzaw konferenzi stampa jew jippruvaw inaqqsu l-importanza tal-protesti. Il-problemi ma jisparixxux għax il-politiċi jagħżlu li ma jitkellmux dwarhom. Ma jiteilqux għax jinjoraw il-problemi jew jitfgħuhom taħt it-tapit. Veru kien hemm żmien meta inbdew protesti imma dak in-nar tal-protesti intefa’ wara xi jiem jew ġimgħat. Jidher li issa mhux se jkun il-każ.
Naturalment, id-dritt għall-protesta ma jfissirx li għandha tingħata ġustifikazzjoni għall-vjolenza, għall-qerda tal-proprjetà jew għall-attakki fuq il-pulizija. Il-protesta paċifika hija dritt demokratiku fundamentali, iżda trid tibqa’ marbuta mar-responsabbiltà u mar-rispett lejn ħaddieħor.
Nemmnu li jkun żball gravi jekk il-gvernijiet jiffukaw biss fuq l-ordni pubbliku u jinsew il-kawżi li wasslu lin-nies fit-toroq. L-aktar aspett inkwetanti huwa l-involviment taż-żgħażagħ. Ġenerazzjoni li suppost qed tibni l-futur tagħha qed toħroġ tipprotesta dwar il-kirjiet, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-ispejjeż tal-ħajja u l-prijoritajiet tal-infiq pubbliku.
X’messaġġ qed jibagħtu liż-żgħażagħ jekk minflok ma jagħtuhom tama, qed iħalluhom iħossu li l-futur tagħhom huwa kompromess?
L-Ewropa għandha tiddeċiedi x’tip ta’ soċjetà trid tibni. Soċjetà fejn is-suċċess jitkejjel biss biċ-ċifri ekonomiċi u l-baġits, jew soċjetà fejn il-bniedem, id-dinjità tiegħu u l-kwalità tal-ħajja jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika?
Il-protesti mhumiex bilfors is-sinjal ta’ demokrazija li falliet. Jistgħu jkunu sinjal ta’ demokrazija li għadha ħajja, fejn iċ-ċittadini jirrifjutaw li jibqgħu spettaturi tal-futur tagħhom stess.
Iżda issa wasal iż-żmien li l-mexxejja Ewropej jisimgħu. Ma jistgħux jibqgħu torox. Ma jistgħux jibqgħu maqtugħin mir-realtà. Ma jistgħux jibqgħu ma jagħtux każ il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw il-popli tagħhom. Fuq kollox iridu jieqfu jaċċettaw dak li jgħidulhom il-korporazzjoni multi miljunarji. Kemm se jdumu jiddettaw? Kemm se jdumu jiġbdu l-ispjag u l-gvernijiet jaġixxu? Deżijonijiet li aktar iva milli le, jispiċċaw jagħfsu u jitfgħu pressjonijiet fuq il-popli. Kemm se jdumu jaċċettaw il-pressjoni minn kumpaniji tal-armi biex jiżdiedu l-armamenti u jsiru oħrajn ġodda? Il-popli Ewropej u oħrajn mhux aktar armi għandhom bżonn, mhux aktar armamenti ġodda jew drones, imma li jgħixu fil-paċi.
Għax il-poplu ma jistax jibqa’ jisma’ wegħda wara l-oħra waqt li l-problemi ta’ kuljum jibqgħu ma jissolvewx. Ma jistax ikun li l-profitti u l-prijoritajiet politiċi jieħdu preċedenza fuq il-ħajja ta’ min jaħdem, irabbi familja u jipprova jgħix b’dinjità.
Meta eluf joħorġu fit-toroq, il-mistoqsija mhijiex biss għaliex qed jipprotestaw. Il-mistoqsija vera hija għaliex waslu f’punt fejn ħassew li ma baqgħalhomx triq oħra biex jinstemgħu. Din hi mistoqsija li l-Ewropa ma tistax tibqa’ taħrab minnha. Din hi mistoqsija li issa trid titwieġeb. Ovvjament, jekk tibqa’ tiġi injorata, m’hemmx dubju li dawn il-protesti se jwasslu għal xenarji ġodda li ilna ma narawhom bħalhom fl-Ewropa.




