Tuesday, November 24, 2026
Home Fehmietna Dinjità bi dritt lill-annimali

Dinjità bi dritt lill-annimali

0
16

L-annimali huma preżenti f’ħajjitna b’diversi modi. Għal ħafna minna li nrabbu l-annimali, dawn inqisuhom bħala parti mill-familja. Dawn l-annimali fi djarna mhux biss jagħmlulna kumpanija iżda wkoll juruna mħabba bla qies u jġibulna ħafna ferħ. Huwa għalhekk importanti li nieħdu ħsiebhom sew, nagħtuhom l-imħabba kollha li jistħoqqilhom u niżguraw li jkollhom ħajja kuntenta u b’saħħitha.

Meta nitkellmu dwar il-ħarsien tal-annimali m’għandniex nirreferu biss għall-klieb u l-qtates domestiċi, iżda wkoll għal kull ġeneru t’annimal, aktar u aktar illum meta l-‘pets’ fid-djar Maltin qed ikunu ta’ razez differenti. Sfortunatament għadna nisimgħu b’każi krudili ta’ annimali abbandunati jew li jkunu miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena u allura maħqurin. Każi bħal dawn inisslu sens ta’ rabja u fl-istess ħin dwejjaq fis-soċjetà tagħna.

Kull annimal għandu d-dritt li jgħix f’ambjent tajjeb u nadif, li jixraq lill-bżonnijiet tiegħu. F’dan il-kuntest, il-ħarsien tal-annimali jibqa’ element fundamentali flimkien ma’ edukazzjoni u t-trawwim ta’ ġenerazzjonijiet minn età żgħira lejn għarfien aħjar tal-ħarsien tal-annimali.

Bi pjaċir ninnotaw li anke l-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex kemm jista’ jkun l-annimali jinżammu fi stat tajjeb. F’dan il-kuntest ma nistgħux ma napprezzawx l-investiment qawwi ta’ €3 miljun li ġew allokati fil-Budget għas-sena d-dieħla għas-settur tal-annimali.

Nifhmu li l-Gvern qed jaħdem ukoll biex wara tant żmien magħluq, jerġa’ jinfetaħ l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali. Tant li skont is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said bħalissa għaddejja ħidma mal-MCAST sabiex din il-faċilità tibda topera fl-iqsar żmien possibbli. Anke d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali kif ukoll il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali qed jagħmlu biċċa xogħol tajba bil-għan li jiġi żgurat li l-annimali jingħataw ħajja li tixirqilhom.

Pajjiżna għandu biex jiftaħar illi fi ħdanu hemm organizzazzjonijiet mhux governattivi li b’sens ta’ umaniżmu, u b’mod volontarju, imexxu santwarji f’diversi żoni tal-pajjiż. U b’hekk qed jevitaw ħafna każi ta’ abbadun t’annimali mit-toroq tagħna. Dawn il-voluntiera jagħmlu xogħol b’dedikazzjoni kbira u sagrifiċċji tant li ġieli xtraw l-ikel huma stess minn buthom.

Għalhekk huwa importanti ħafna illi dawk li jħobbu l-annimali, ikunu huma wkoll li jgħinu fil-ħarsien tal-annimali, u fejn possibbli jikkontribwixxu kemm finanzjarjament u kif ukoll b’mezzi oħra fosthom bi proviżjoni ta’ ikel biex b’hekk kemm jista’ jkun jitnaqqas il-piż minn fuq dawn il-voluntiera li jaħdmu fis-santwarji tal-annimali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here