Is-Sibt 14 ta’ Novembru, fiċ-Ċentru Parrokkjali tan-Nadur (NTYC), inżamm it-tieni appuntament djoċesan tas-sensiela ‘Ngħidu 4 kelmiet bejnietna’, immirata lejn koppji li jinsabu fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ tagħhom.
Il-laqgħa kellha bħala tema “It-tfal: jiġu jew ma jiġux”, suġġett sensittiv li jittratta waħda mill-isfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-koppji fil-ħajja miżżewġa, fosthom il-fertilità, ix-xewqa li jsiru ġenituri u l-esperjenzi ta’ dawk li ma jirnexxilhomx ikollhom it-tfal.

Waqt din il-laqgħa, il-ġinekologa Dr Margaret Spiteri tkellmet dwar l-importanza li l-koppji jagħtu attenzjoni lir-relazzjoni tagħhom u lill-benessri fiżiku, emozzjonali u spiritwali tagħhom. Hija inkuraġġiet lill-koppji preżenti biex fiż-żwieġ u fl-intimità sesswali tagħhom irawmu b’mod intenzjonat il-ħames dimensjonijiet tal-prinċipju SPICE: dik spiritwali (Spiritual), fiżika (Physical), intellettwali (Intellectual), komunikattiva u kreattiva (Communicative/Creative), kif ukoll emozzjonali (Emotional).
Dr Spiteri spjegat kif diversi fatturi tal-ħajja moderna jistgħu jħallu effett fuq il-fertilità naturali tal-koppja. Fost dawn semmiet il-ħajja mgħaġġla u mimlija stress, dieta mhux adegwata, nuqqas ta’ għarfien dwar iċ-ċiklu naturali tal-mara u kundizzjonijiet ġinekoloġiċi li ma jiġux identifikati jew ittrattati fil-ħin.
Hija saħqet fuq l-importanza li l-koppji jagħmlu għażliet li jippromwovu s-saħħa u l-benessri ġenerali tagħhom, filwaqt li jkunu konxji li dawn jistgħu jgħinu wkoll fil-ħarsien tas-saħħa riproduttiva tagħhom.
Parti importanti mil-laqgħa kienet ix-xhieda personali tal-koppja Michael u Miriam Portelli, li qasmu mal-parteċipanti l-esperjenza tagħhom tal-ħajja miżżewġa u l-isfidi li kellhom jiffaċċjaw minħabba li, minkejja li għamlu anki trattamenti tal-IVF, ma rnexxilhomx ikollhom it-tfal.
Il-koppja tkellmet b’mod miftuħ dwar it-tbatija fiżika u emozzjonali li għaddew minnha tul dan il-perjodu. Spjegaw kif din l-esperjenza kienet aktar diffiċli minħabba l-professjonijiet tagħhom bħala tabib u għalliema, li spiss kienu jpoġġuhom f’kuntatt ma’ trabi u tfal ta’ ħaddieħor, waqt li huma stess kienu qed jgħixu din ix-xewqa mhux milħuqa.
Minkejja l-uġigħ sieket li esperjenzaw, Michael u Miriam spjegaw kif ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, permezz tat-talb, għenithom jibnu fiduċja akbar fih maż-żmien. Flimkien ma’ dan, id-deċiżjoni tagħhom li jibqgħu magħqudin u jżommu sod ma’ xulxin saħħet ir-rabta ta’ bejniethom.
Huma qalu wkoll li din l-esperjenza għallmithom ħafna dwar il-ħajja, fosthom li t-tfal għandhom jitqiesu bħala don u mhux bħala dritt. Messaġġ li wasslu b’konvinzjoni, frott ta’ esperjenza personali li ġabet magħha kemm sfidi kif ukoll tagħlim importanti dwar l-imħabba, il-fidi u ż-żwieġ.
Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li rringrazzja lil Dr Spiteri u lill-koppja Portelli għall-kontribut u x-xhieda tagħhom.
Fl-intervent tiegħu, l-Isqof Teuma rrimarka li, minkejja li t-tlieta li huma ma għandhomx tfal, kienu qed jitkellmu dwar il-ħajja u, aktar minn hekk, kienu qed jagħtu l-ħajja. Huwa spjega li dan ma kienx qed iseħħ biss waqt dik il-laqgħa, iżda kontinwament permezz tal-ħidma professjonali u volontarja tagħhom.
Skont l-Isqof, permezz tal-ħidma tagħhom ma’ persuni oħra, koppji u familji li jiltaqgħu magħhom kuljum, huma qed jgħixu l-maternità u l-paternità tagħhom fl-ogħla forma tagħha: dik tal-gratwità assoluta.
Din il-laqgħa offriet opportunità importanti biex koppji żgħażagħ jirriflettu dwar aspett delikat tal-ħajja miżżewġa, filwaqt li fehmu aktar li l-valur taż-żwieġ u tal-familja ma jiddependix biss mill-preżenza tat-tfal, iżda wkoll mill-imħabba, mill-għaqda, mill-fidi u mill-kapaċità li wieħed jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn.
