Wednesday, November 25, 2026
Home Internazzjonali Żagħżugħa Iranjana ta’ 19-il sena tqila tinqatel mill-ġenituri tagħha stess

Żagħżugħa Iranjana ta’ 19-il sena tqila tinqatel mill-ġenituri tagħha stess

0
21

Każ xokkanti ta’ vjolenza domestika qed iqajjem tħassib kbir fl-Iran, wara li żagħżugħa ta’ 19-il sena li kienet tqila allegatament inqatlet mill-ġenituri tagħha stess, hekk kif ġegħluha tibla’ għexieren ta’ pilloli qabel sawtuha u anke fgawha.

Il-vittma, Helia Fattahi, kienet qalet lill-familja tagħha ftit jiem qabel il-qtil li kienet ilha xahrejn tqila, wara relazzjoni ma’ ġuvni.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali, il-ġenituri tagħha, Voria Fattahi u Leila Veisi, marru l-qorti nhar is-Sibt sabiex jagħmlu lment kontra binthom.

Madankollu, dak li allegatament seħħ wara li rritornaw fid-dar tal-familja tagħhom fil-belt ta’ Sanandaj, fil-Punent tal-Iran, kien wieħed mill-aktar każijiet brutali ta’ vjolenza domestika.

Skont l-organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem Hengaw, il-ġenituri allegatament ġiegħlu lil Helia tibla’ madwar 30 pillola. Wara dan, bdew isawtuha b’mod brutali. Meta ndunaw li binthom kienet għadha ħajja, il-koppja allegatament fgawha b’imħadda.

Rapporti jgħidu li ż-żewġ ġenituri ammettew li qatlu lil binthom meta waslu l-ħaddiema tal-emerġenza fid-dar.

Iż-żewġ persuni ġew arrestati mill-pulizija aktar tard dakinhar.

Shahram Abdi, il-kap tal-pulizija kriminali fil-provinċja ta’ Kordestan, ikkonferma nhar it-Tlieta li ż-żewġ ġenituri kienu ammettew li wettqu l-qtil waqt li kienu qegħdin jiġu interrogazzjoni.

Il-pulizija qalet li l-mottiv wara dan il-każ kien marbut ma’ tilwim fil-familja.

Il-każ reġa’ qajjem mistoqsijiet serji dwar il-vjolenza domestika u s-sigurtà tan-nisa u l-bniet, b’mod partikolari f’każijiet fejn kunflitti familjari jwasslu għal atti estremi ta’ vjolenza.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here