Tifel ta’ seba’ snin ġie salvat ħaj wara li qatta’ 14-il siegħa maqbud taħt it-tiġrif ta’ binja residenzjali f’Dymer, fir-reġjun ta’ Kyiv, fl-Ukrajna, wara attakki Russi matul il-lejl.
Skont l-awtoritajiet Ukreni, 11-il persuna tilfu ħajjithom fl-attakki fuq dan ir-raħal. Mill-istess binja ġiet salvata wkoll mara ta’ 79 sena, li ttieħdet l-isptar għall-kura.
It-tifel ittieħed l-isptar u jinsab f’kundizzjoni stabbli, filwaqt li l-President Ukren Volodymyr Zelensky ikkonferma s-salvataġġ tiegħu.
Intant, ġew irrappurtati aktar vittmi f’attakki oħra fir-reġjun ta’ Kyiv, fosthom tliet persuni li nqatlu u 13 oħra li ndarbu f’attakk fuq ħanut tal-ikel f’Vyshneve.




